Frame-up biex jaħbu l-iskandlu kbir fl-għoti abbużiv ta’ miljuni ta’ ewro lil Gaffarena
Id-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar iddikjara fil-Parlament li l-allegazzjonijiet kollha li saru fuqu u fuq il-familja tiegħu mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, huma kollha gideb, qarrieqa u giddibin miġbura fi storja b’xamma kbira ta’ tattiċi u manipular tal-Partit Laburista li wasslet għal frame-up li kien qiegħed għaddej kontrih u ma ndunax bih.
F’dikjarazzjoni personali li għamel fl-aġġornament fis-seduta parlamentari tal-bieraħ waranofsinhar, id-Deputat Nazzjonalista wera n-nuqqas kbir ta’ verità fl-allegazzjonijiet li bihom is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ried iċappas lilu u lill-familja tiegħu biex jaħbi l-iskandlu kbir li hu mdahhal fih hu bħala dak responsabbli għall-għoti abbużiv ta’ miljuni ta’ ewro lil ta’ Gaffarena.
Irrifera għad-diskors tal-Prim Ministru fil-Parlament dwar iil-Baġit meta għajjar lill-Oppożizzjoni bil-kliem “negattiv”, “distruttiv” u “personali”; u għad-diskors tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li fisser il-kritika tal-Oppożizzjoni li l-Gvern qed iżomm ftit għal-poplu Malti u Għawdxi u li qed jiffanga bil-ħafna għalih innifsu, bħala “reazzjoni mhux biss ta’ għira, imma mibiegħda personali”.
Meta l-Gvern Laburista jgħid li mhux ser jagħmel xi ħaġa jkun tfisser preċiżament li qed jagħmel l-oppost
Joe Cassar saħaq li meta l-Gvern Laburista jgħid li mhux ser jagħmel xi ħaġa jew jaddotta xi tattika, tkun tfisser preċiżament li qed jagħmel l-oppost ta’ dak li jwiegħed. Spjega li f’dan il-każ Michael Falzon qal li mhux ser jidħol fil-personali, u ftit wara nfexx f’attakk personali kontrih.
Sejjaħ din it-tattika bħala problema sintomatika ta’ dan il-gvern, gvern tal-paradoss li juza dejjem attakki personali sabiex jaħbi xi skandlu kbir tiegħu u mbagħad jgħid fil-parlament li ma jridx jaqa’ fil-baxx billi jmur fil-personali.
Id-Deputat Joe Cassar saħaq li quddiem il-gideb u allegazzjonijiet foloz tal-Gvern ta’ Joseph Muscat, kien qed jagħmel dikjarazzjoni personali biex jiċċara l-fatti.
Allegazzjonijiet giddieba ġew ukoll mitmugħa lill-media
Ikkritika lil Michael Falzon li kien inġust, mhux veritier u personali fir-rigward tiegħu, u żied li l-allegazzjonijiet giddieba ġew ukoll mitmugħa lill-media ftit jiem wara li tkellem u dan biex jippruvaw iħamġuh u jumiljaw lilu u lill-familja tiegħu.
Joe Cassar qal li meta Michael Falzon fil-Parlament qal li hemm ktieb li “se jkun jitkellem fuq l-etika ta’ wħud fil-professjoni medika” kien qed jgħid għalih għax il-media tal-Partit Laburista kienet diġà xi ġimgħat qabel staqsietu fuqhom.
Raġunijiet għaliex dak li qal Michael Falzon hu qarrieqi u giddieb
Id-Deputat Nazzjonalista ta r-raġunijiet għaliex dak li qal Michael Falzon hu qarrieqi u giddieb u semma li:
Joe Gaffarena dejjem kien jitlob hu biex jiltaqa’ miegħu u jiftaħ qalbu għax miegħu dejjem sab xi ħadd li lest jisimgħu;
Joe Gaffarena kien imur għandu jibki għax il-Gvern tal-PN ma ħalliehx jiftah pompa tal-petrol bla permess;
u li kien jghidlu li l-familja tiegħu ma kellhiex biex tgħix.
Joe Cassar ta wkollil-fatti dwar l-allegazzjoni tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon dwar il-karozza second-hand.
Fisser li meta t-tifla tiegħu kienet għalqet 18-il sena kien qal lil Gaffarena għax kien ħenn għalih u xtaq jgħinu finanzjarjament, li jista’ jixtri l-karozza tat-tifla mingħandu.
Kienu ftiehmu li l-karozza li ried kellha tkun tiswa anqas minn elf ewro. Għalih din kienet sempliċi transazzjoni ta’ elf ewro biex jixtri Peogeut 307 antika 11-il sena u b’ħafna problemi. Joe Cassar kien insista li jagħtih invoice biex iħallsu.
Joe Cassar qal li Gaffarena kien hu stess li qalu biex flok jibgħat ċekk lilu, jaqbad l-ammont dovut u jiddepożitah permess ta’ donazzjoni lill-PN. Kien qallu biex ma jniżżilx ismu fuq l-irċevuta. Dan kollu għax ma riedx juri lill-familjari tiegħu li kien qed jgħamel donazzjoni lill-PN.
Saħaq li din l-istorja għandha xamma kbir ta’ tattiċi u manipular tal-Partit Laburista, li permess tat-tattiċi messu nduna bil-frame-up li kien qiegħed għaddej taħt imnieħri.
“Ma ndunajtx bil-frame-up u għamilt kif qalli”
“Iżda jien ma ndunajtx bil-frame-up u għamilt kif qalli, jiġifieri tajt elf ewro lill-PN li għalihom għandi rċevuta” qal Joe Cassar li ta wkoll il-fatti fuq t-tieni allegazzjoni li għamel Michael Falzon dwar is-sistema ta’ sigurtà.
Joe Cassar spjega li meta Gafferana kien imur għandu kien dejjem jiġbidlu l-attenzjoni li ma kellux kamera tas-sigurtà.
“Ħadli rasi u wkoll werwer lill-marti, sabiex jibgħat lil xi ħadd sabiex dan jagħmilli l-cameras”, kompla jfisser Joe Cassar li kompla li “wara diversi xhur niftakar darba nsib raġel wara l-bieb unexpected. Imbagħad għamilt diversi xhur niġri warajh dan l-installer biex jitħallas u dan dejjem jevitani. Issa qed joħroġ car li anke din il-ħaġa kienet parti mill-frame-up.”
Mhux veru xtara dar mingħand pazjent tiegħu
It-tielet każ allegat hi marbuta max-xiri tad-dar, b’Joe Cassar jispjega wkoll id-dettalji tal-fatti u jgħid li l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dar tiegħu huma fid-dominju pubbliku kollox fl-Insinwa.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, qal Joe Cassar, għamel din l-allegazzjoni għax jaf li minħabba s-sigriet professjonali tiegħu ma jistax jghid jekk ma jkunx awtorizzat, jekk persuna partikolari kienx jew ma kienx pazjent tiegħu.
“Ma nistax nemmen li l-Onorevoli Falzon waqa’ daqshekk fil-baxx biex jgħatti xturu. Ma jistħix jipprova juża persuna li forsi kellha problemi ta’ saħħa mentali biex jipprova jneħħi l-attenzjoni min fuq l-iskandlu li għamel hu u l-iskandlu li għamel il-ħabib tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg”, qal Joe Cassar.
Wara li talab permess lil dan ix-xerrej li tah permess jitkellem, Joe Cassar qal li mhux veru xtara dar mingħand pazjent tiegħu.
Sejjaħ bħala tal-mistħija din l-allegazzjoni u spjega li għand tliet loans fuq id-dar tiegħu mill-BOV, u kompla li jekk Michael Fazon kien qed jirreferi għal Gaffarena li bnielu d-dar, Joe Cassar saħaq li dan qatt ma kellu relazzjoni ġuridika jew ta’ fatt fuq kwisjoni ta’ xogħlijiet tad-dar tiegħu.
Joe Cassar saħaq li lil Joe Gafferna qatt ma tah xejn illeċitu kif għamel dan il-Gvern.
Wara li żvela dawn id-dettalji kollha biex iwieġeb għall-allegazzjonijiet, u wara li ħareġ fil-beraħ il-frame-up fuqu minn xi ħadd li issa nafu ħa l-miljuni mingħand Michael Falzon fil-famuż skandlu tal-Gvern tax-xiri ta’ proprjetà mingħand Gaffarena, Joe Cassar sfida lill-PL jirrispondi d-diversi domandi li qatt ma rrispondha lill-media:
Jekk qabel l-elezzjoni tal-2013 esponenti mill-Partit Laburista ltaqgħu jew le ma’ xi ħadd mill-familja Gafferna jew rapreżentanti tagħhom?
Jgħid jekk hux veru jew le dak li qallu Gaffarena li l-familja tiegħu kienu qed jagħtu donazzjonijiet lill-Partit Laburista?
Jekk hemm xi membru parlamentari Laburista li qatt kellu xi relazzjoni mal-familja Gafferna li fiha ġie mogħti xi rigal jew donazzjoni jew xi relazzjoni ta’ business fi proprjetà bħala individwu jew nominee company?
Il-PN qatt ma ġie rikattat jew ta xejn illeġittimu lill-familja Gafferna
Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li l-veru kwistjoni hija waħda u waħda biss – li l-PN qatt ma ġie rikattat jew ta xejn illeġittimu lill-familja Gafferna waqt li jidher ċar, imma nistennew l-eżitu finali tal-National Audit Office, li l-Partit Laburista ta xi ħaġa illeġittima lil Gafferna
Fisser li din hija storja ta’ politku, li sar frame-up fuqu biex ibeżżgħuh u sabiex jagħlqulu ħalqu, bi Gvern li flok tah il-protezzjoni pprova jirkeb fuq il-frame-up biex jaħbi l-korruzzjoni li l-istess Gvern qed jagħmel. Fisser ukoll li sal-lum kien qiegħed jevita li jitkellem dwar din l-istorja personali, mhux għax kellu x’jaħbi, iżda għax irrispeta l-privatezza ta’ familtu u għax emmen li l-verità tirrenja fuq il-propaganda tal-Partit Laburista.
Kompla jispjega li bil-gideb tal-Gvern, kien kostrett jagħmel din id-dikjarazzjoni personali, u li wara din id-dikjarazzjoni, hu u l-familja tiegħu jinsabu f’riskju ta’ rikatt.
Jitlob il-protezzjoni meħtieġa għalih u għall-familja tiegħu
Talab ukoll lid-Deputat Speaker Ċensu Galea li kien qiegħed jippresiedi l-Kamra, jagħtih il-protezzjoni meħtieġa għalih u għall-familja tiegħu, bid-Deputat Speaker iwieġeb li se jkun qiegħed jagħmel kuntatt mal-Kummissarju tal-Pulizija dwar din it-talba.