Lokali

Malti meħlus mil-Libja, kien ilu maqbud għal 47 jum

Noel Sciberras, il-ħaddiem Malti li kien maħtuf u maqbud minn kriminali Libjani fil-belt ta’ Tajoura, ilbieraħ inħeles qawwi u sħiħ. Kien intervent minn membri tal-Milizja Rada li wassal biex Noel Sciberras inħeles wara li kien ilu maqful f’kamra għal 47 jum.

Sciberras, Direttur ta’ CT Parks, kien jaħdem fil-Libja fost tim ta’ amministraturi ta’ parkeġġi għall-karozzi. Filmat imxandar fuq siti soċjali urew lil Noel Sciberras ferħan, jirringrazzja lil dawk kollha li għenu biex seta’ nħeles wara kważi tmien ġimgħat maħtuf.

Jirriżulta li l-Milizja Rada hi influwenti ħafna f’diversi żoni tal-kapitali Tripli, fejn fost l-oħrajn, tikkontrolla wkoll l-Ajruport ta’ Mitiga, li hu l-uniku Ajurport li għadu jiffunzjona fi Tripli.

Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qal li xtaq li kieku l-aħbar tinżamm mistura għal ftit ieħor sakemm Noel Sciberras ikun barra mil-Libja. Madankollu, issa li l-aħbar ħarġet, ma jistax ma jikkonfermax il-ħelsien tiegħu.

Il-Ministeru rringrazzja lil dawk kollha involuti f’din il-ħidma delikata, b’mod partikolari lil Marisa Farrugia, li b’għaqal u b’diplomazija wasslet għal dan il-ħelsien. Noel Sciberras għadu l-Libja, f’idejn dawk li ħelsuħ, u hu mistenni jirritorna Malta fil-jiem li ġejjin.