Tard l-Erbgħa filgħaxija ttellgħu l-poloz tal-kwarti tal-finali tal-League Cup wara li nhar it-Tlieta u l-Erbgħa stess intlagħab programm sħiħ mir-raba’ rawnd. Fosti diversi sorpriżi ġew eliminati Man Utd, Chelsea u Arsenal u dan ipoġġi lil Manchester City, li rebħu 5-1 kontra Crystal Palace bħala l-favoriti li jirbħu t-tazza. Dawn issa jmisshom jilagħbu kontra Hull City. L-aħħar darba li City rebħu din il-kompetizzjoni kien fl-2014. Il-holders Chelsea ġew eliminati bil-penalties kontra Stoke u issa dawn tal-aħħar se jilagħbu kontra Sheffield Wednesday, it-tim li ġab fix-xejn lil Arsenal meta rebħulhom 3-0.
Il-kowċ il-ġdid ta’ Liverpool Jurgen Klopp kiseb l-ewwel rebħa tiegħu sa minn meta ħa post Brendan Rodgers hekk kif ir-Reds eliminaw lil Bournemouth u issa dawn imisshom jilagħbu barra minn darhom kontra Southampton. Bla dubju din mistennija tkun logħba ferm delikata għal Liverpool.
Minn naħa tagħhom Southampton waslu sa hawn wara li eliminaw lil Aston Villa.
Middlesbrough, li eliminaw lil Man Utd bil-penalties f’Old Trafford se jilqgħu f’darhom lil Everton. Dawn tal-aħħar ukoll kellhom bżonn l-għoti tal-penalties nhar it-Tlieta kontra Norwich biex avanzaw għar-rawnd li jmiss. Il-logħob jibda jintlagħab fit-30 ta’ Novembru.
Il-polza:
Middlesbrough v Everton
Southampton v Liverpool
Stoke City v Sheff Wednesday
Man City v Hull