Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kirja tal-Gvern għall-propjetà tal-GWU jikkonferma li din il-kirja hi waħda illegali. Għalhekk għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika mill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-politiku li jmexxi d-Dipartiment tal-Artijiet.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet Ryan Callus taw l-ewwel reazzjoni tagħhom f’isem il-Partit Nazzjonalista għar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar din il-kirja.
Jason Azzopardi qal li mir-rapport joħroġ ċar li l-illegalità ma kinitx xi ħaġa li nduna biha l-Awditur Ġenerali, iżda mir-risposti li ngħataw fl-investigazzjoni. Għaldaqstant, jidher ċar li qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt tal-kirja, kien hemm min kien jaf li dak li qed isir kien illegali.
Jason Azzopardi qal ukoll li hi tal-mistħija li l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, li nzerta għandu passat twil fl-Amministrazzjoni tal-GWU, gideb b’mod ċar lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali meta qal li sar jaf b’dan il-każ fil-15 ta’ Lulju 2015. Dan minkejja li l-iskandlu kien ilu jiġi rrappurtat fuq il-media għal mill-anqas ħames xhur.
Ix-Shadow Minister qal li l-illegalitajiet li jirriżultaw mir-rapport ipoġġu dubji kbar dwar il-mod kif jaħdem id-Dipartiment tal-Artijiet, filwaqt li sostna li l-ewwel reazzjoni ta’ Muscat għal dan ir-rapport hi serja ħafna għax kompla jwebbes rasu u pprova jimmina l-istituzzjoni tal-Awditur Ġenerali minflok ammetta l-illegalità.
Min-naħa tiegħu, Ryan Callus qal li wara dan l-aħħar skandlu fid-Dipartiment tal-Artijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jinħeba, iżda għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li dan hu l-mod kif jaħdem Muscat: ikser il-Liġi u aħbi … jekk tinqabad, għid li tort ta’ ħaddieħor u li se titgħallem.
Ryan Callus qal li, jekk qatt kien hemm bżonn, illum għandna konferma oħra tar-raġuni għalfejn Joseph Muscat iddeċieda li għall-ewwel darba fl-istorja jżomm id-Dipartiment tal-Artijiet taħt idejh: ħmieġ, skandli u korruzzjoni.
//= $special ?>