Lokali Qorti

Aġġornata: Impjegati ta’ Identity Malta u intermedjarju jitressqu l-Qorti, tlieta jwieġbu ħatja

Erba’ impjegati ta’ Identity Malta u intermedjarju dalgħodu tressqu l-Qorti akkużati b’korruzzjoni biex tkun faċilitata l-proċedura għal Permessi ta’ Residenza.

Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, tlieta mill-erba’ ħaddiema wieġbu li huma ħatja għall-akkużi, fosthom ukoll li aċċettaw rigali jew flus biex jinħarġu l-Permessi ta’ Residenza, kif ukoll li kienu kompliċi fil-ħruġ ta’ dikjarazzjonijiet foloz. Min-naħa l-oħra, r-raba’ ħaddiem wieġeb li mhux ħati.

It-tliet ħaddiema li ammettew huma żagħżugħ ta’ 21 sena minn San Ġiljan, żagħżugħa ta’ 24 sena minn Pembroke u żagħżugħa ta’ 21 sena minn Pembroke, filwaqt li r-raba’ ħaddiem hu żagħżugħ ta’ 21 sena mill-Ħamrun.

L-intermedjarju hu żagħżugħ ta’ 28 sena minn Baħar iċ-Ċagħaq, li jaħdem bħala bejjiegħ tal-Monti. Hu wieġeb li mhux ħati għall-akkużi li kkorrompa Uffiċjali Pubbliċi, kif ukoll li aċċetta wegħdiet u offerti mhux xierqa beix jinfluwenza u jkun kompliċi fil-ħruġ ta’ dikjarazzjonijiet foloz.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Rennie Stivala u Yvonne Farrugia, qalet li l-ħames persuni kkollaboraw mal-Pulizija u taw dikjarazzjonijiet dettaljati bl-involviment tagħhom. Huma wegħdu wkoll li jkomplu jikkollaboraw mal-Pulizija f’investigazzjonijiet futuri dwar persuni oħra.

It-tliet ħaddiema li wieġbu li huma ħatja ngħataw sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiża għal erba’ snin, filwaqt li l-impjegat li wieġeb mhux ħati ngħata l-istess sentenza, kif ukoll libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ 3,000 ewro u depożitu ta’ 800 ewro. L-intermedjarju ngħata l-libertà proviżorja.

Id-Difiża tmexxiet mill-Avukati Maria Azzopardi, Joseph Gatt, David Camilleri, Franco Debono, Kathleen Grima u Roberto Montalto.

Aktar kmieni …
Ħames impjegati ta’ Identity Malta tressqu l-Qorti b’akkużi ta’ tixħim fil-ħruġ ta’ Permessi ta’ Residenza. Dawn l-aħħar żviluppi jsegwu l-kontroversja li din l-aġenzija tal-Gvern ilha għaddej minnha fl-aħħar ġimgħat u xhur wara ħruġ ta’ Visas u Permessi ta’ Residenza b’xamma qawwija ta’ korruzzjoni.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-allegati abbużi ilhom isiru għal numru ta’ snin. L-Aġenzija Identity Malta nħolqot mill-Gvern Laburista, bl-istqarrija tgħid li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Matul is-sena li għaddiet inħarġu 13,800 Permess ta’ Residenza f’pajjiżna, fosthom 3,500 Permess ta’ Residenza lil persuni Libjani. Skont l-istatistika ta’ Identity Malta stess, l-ammont totali jfisser żieda ta’ 50 fil-mija.

Skont l-informazzjoni proċessata minn Identity Malta, u ppubblikata fil-jiem li għaddew, hemm ukoll disa’ persuni li ma nafu xejn dwar in-nazzjonalità tagħhom jew minfejn ġew. Barra minhekk, madwar 2,800 Permess ta’ Residenza nħareġ mingħajr l-ebda raġuni speċifika.