Ambjent Lokali

Diżappunt u kritika mill-ambjentalisti għal kif il-Gvern qed jitratta l-Ambjent

L-ambjentalisti wrew bl-aktar mod ċar id-diżappunt tagħhom għall-mod kif Gvern Laburista qed jitratta lill-Ambjent waqt dibattitu organizzat minn Din l-Art Ħelwa, li ffoka fuq il-protezzjoni tal-kampanja u żoni barra mill-iżvilupp.

Kritika b’mod partikolari kienet indirizzata lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, responsabbli mill-Ippjanar, li kien fil-mira tal-ambjentalisti fuq numru ta’ punti, fosthom il-qsim tal-MEPA, il-bini f’ODZ, il-kaċċa u l-insib, il-kmamar tan-nar u l-bini ta’ pompi tal-fuel, fost l-oħrajn.

Għal ħafna minn din il-kritika, Falzon tefa’ r-responsabbiltà fuq Ministeri oħra u spiss waħħal jew qabbel ma’ amministrazzjoni preċedenti, fost id-diżappunt tal-ambjentalisti preżenti li ppretendew risposti għall-mistoqsijiet tagħhom.

Min-naħa tagħha, id-Deputat Laburista Marlene Farrugia għamlitha ċara li ma taqbilx mal-mod kif mexa dan il-Gvern fuq policies dwar żoni barra mill-iżvilupp, li skont hi saru b’mod mgħaġġel.

Sadanittant, fid-dibattitu ħadet sehem ukoll fost l-oħrajn ix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli, li fakkret kif il-Partit Nazzjonalista u l-ambjentalisti ddefendew iż-żona taż-Żonqor milli tinqered bil-bini ta’ Università mill-Ġordaniżi, bil-Partit Nazzjonalista kien ukoll fuq quddiem fid-difiża tal-Ambjent f’numru ta’ kontroversji oħra riċenti.