Lokali

Filmat: Proġett inawgurat bl-għaġġla

Waslet fi tmiemha parti oħra tal-proġett ta’ restawr tal-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu, proġett mibdi minn amministrazzjoni Nazzjonalista fl-2007 meta dan il-Forti kien jinsab fi stat ta’ abbandun u bi ħsarat strutturali kbar.

Dan wassal biex ir-restawraturi kellhom biċċa xogħol mhux faċli biex mhux biss jagħmlu l-Forti aċċessibbli mill-ġdid, imma fuq kollox isaħħu partijiet mill-Forti li kienu f’riskju li jikkollassaw.

Il-Ġimgħa filgħodu propju f’dan il-Forti saret l-inawgurazzjoni ta’ dan x-xogħol, bil-Prim Ministru Joseph Muscat, akkumpanjat minn martu u t-tfal, jagħmel diskors tal-okkażjoni, fil-preżenza ta’ numru kbir ta’ membri tal-kabinett Laburista, uffiċjali għolja u fuq kollox ambaxxaturi ta’ diversi pajjiżi.

Imma x-xena li ntlaqgħu biha dawn l-uffiċjali ftit li xejn kienet tilqak, b’partijiet minn dan il-proġett li lanqas għadom tlestew. Filfatt l-Ambaxxaturi u l-uffiċjali mistiedna kellhom jitniżżlu maġenb l-entratura tal-Forti, fl-għadajjar tal-ilma u tajn, qalb inġenji użati fir-restawr li għadu għaddej.

Malli telgħu għall-Forti, il-mistiedna speċjali fil-foss setgħu jinnutaw żibel u quddiem l-entratura prinċipali saħansitra borġ ġebel. U malli daħlu fil-Forti laqgħathom xena ta’ partijiet magħluqa minħabba li għadu għaddej ix-xogħol, għodda u ħaddiema għaddejjin bix-xogħol.

U waqt li d-delegazzjoni ta’ uffiċjali kienet qed tiddawwar max-xogħol li sar, stajna ninnutaw ħaddiema bl-isquezers li ġew ordnati biex malajr ineħħu l-ilma miġbur f’għadajjar qabel jgħaddu l-uffiċjali.

U dan mhux biss fil-postijiet fejn għadom mhux aċċessibbli għall-pubbliku, hekk kif post milli żaru l-uffiċjali hi kamra msemmija bħala ċ-Ċentru tal-Mediterran, u li wkoll għadha mhix lesta b’kmamar li jiffurmaw parti minnha mbarrati b’folja tal-karti.