Il-Knisja Kattolika qed ikollha tirrekluta aktar eżorċisti biex tlaħħaq maż-żieda enormi fil-każi ta’ persuni li qed jispiċċaw ‘maħkumin mix-xitan’ fil-Filippini.
Dawn il-każi rrappurati żdiedu ‘bi tliet darbiet’ fuq iċ-ċifri preċedenti u l-Arċidjoċesi f’Manila qalet li l-Knisja qed ikollha bejn 80 u 100 talba għal eżorċiżmu ‘fuq il-kotba’ fi kwalunkwe żmien u qed isibha diffiċli biex twieġeb għal dawn is-sejħiet kollha.
Il-qassis, Jose Francisco Syquia, li hu l-eżorċista ewlieni mal-Uffiċċju għall-Eżorċiżmu tal-Arċidjoċesi f’Manila, qal li fiċ-ċirkostanzi, numru ta’ Kristjani qegħdin jieħdu l-inizjattiva huma biex jikkonfrontaw il-problema.
Ħafna nies, illum, qed ifittxu l-healers u persuni li jipprattikaw l-okkult u Dun Jose qal li dan l-aġir iservi ‘biex jattira aktar xjaten madwarna’. Hu intant sejjaħ biex il-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Filippini taċċerta li jkun hemm talanqas qassis wieħed li kapaċi jwettaq ir-riti ta’ eżorċiżmu f’kull waħda fost is-86 djoċesi tal-pajjiż.
‘Il fuq minn 80 fil-mija tal-poplu Filippin huma Kattoliċi u aktar kmieni din is-sena sar magħruf li l-Vatikan kien qed iħarreġ tobba, flimkien ma’ għalliema u psikoloġisti komuni biex jieħdu ħsieb l-ammonti qed jikbru ta’ persuni ‘bil-pussess malinn fuqhom mill-ispirti ħżiena u x-xjaten’.
Fl-2013, il-Papa Franġisku deher iwettaq eżorċiżmu fuq żgħażugħ f’wheelchair li deher jirtogħod b’mod vjolenti meta l-Kap tal-Kattoliċi poġġa jdejh fuqu u qal talba. Il-Papa kemm il-darba insista li ‘x-xitan jeżisti tassew’ u mhux sempliċi ‘ħrafa jew xi simbolu tal-ħażen’.
//= $special ?>