Lokali Unjoni Ewropea

Ian Borg bi tliet verżjonijiet f’24 siegħa dwar il-€11m f’fondi Ewropej mitlufa

F’temp ta’ 24 siegħa, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej Ian Borg biddel għal tliet darbiet il-verżjoni dwar it-telf ta’ 11-il miljun ewro minn fondi Ewropej għall-proġett tal-Coast Road.

Wara li ġiet żvelata l-aħbar li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet irregolaritajiet fit-tenders tal-proġett tal-Coast Road, u b’hekk Malta se tkun qed titlef 11-il miljun ewro mill-fondi ta’ dan il-proġett, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg ħareġ jiddefendi l-aħbar u f’diversi stqarrijiet irrepeta l-frażi li mhux se jintilfu fondi.

Madankollu, fi tliet stqarrijiet li għamel, f’24 siegħa Ian Borg biddel il-verżjoni tliet darbiet. Fl-ewwel kummenti tiegħu mal-media, Ian Borg qal li l-11-il miljun ewro se jintużaw “fi proġetti ambjentali u edukattivi”.

Imbagħad, fi stqarrija li ħareġ biex jirreaġixxi għal stqarrija maħruġa mix-Shadow Ministers Roberta Metsola u Marthese Portelli, Ian Borg qal li l-11-il miljun ewro se jintużaw “fuq toroq oħra”. Iżda wara biss ftit minuti, Ian Borg reġa’ ħareġ stqarrija oħra biex jikkoreġi dik ta’ ftit qabel. Issa, hu reġa’ qal li l-11-il miljun ewro se jintużaw “għal proġetti ambjentali u edukattivi”.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tax-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola, esprima r-rabja tiegħu għall-fatt li l-poplu Malti u Għawdxi se jkollu jagħmel tajjeb għall-inkompetenza tal-Gvern Laburista u joħroġ 11-il miljun ewro minn ġewwa biex ix-xogħol fuq din it-triq ikun jista’ jitlesta.