Il-Kmandant tal-qawwiet tal-baħar Ċiniżi wissa lill-Kmandant tal-qawwiet navali tal-Istati Uniti li inċident żgħir kapaċi jirriżulta fi gwerra fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar, dment li l-Amerikani ma jwaqqfux ‘l-azzjonijiet provokattivi’ fiz-zona delikata.
L-Ammirall Wu Shengli qal dan il-mod waqt video teleconference bis-sehem tal-Ammirall John Richardson, li jmexxi n-naval operations tal-Istati Uniti. Il-kummenti kienu żvelati fi stqarrija min-naħa tal-qawwiet tal-baħar taċ-Ċina.
Id-diskursata bejn l-Ammiralli seħħet wara li bastiment tal-gwerra Amerikan, nhar it-Tlieta, baħħar sa 12 il-mil nawtiku minn gżira artifiċjali fl-arċipielgu ta’ Spratly. Iċ-Ċina tinsisti bid-dritt tas-sovranità fuq l-arċipielgu u kelliema f’Beijing ikkundannaw lil Washington dwar il-movimenti tal-bastiment – f’dan il-każ, id-destroyer USS Lassen.
L-azzjoni tal-bastiment Amerikan titqies bħala l-aktar sfida sinifikanti mill-Istati Uniti fil-konfront tal-limiti territorjali li ċ-Ċina qed tinsisti bihom fir-rigward tas-seba’ gżejjer artifiċjali tagħha f’zona li hi fost l-aktar rotot tal-baħar attivi fid-dinja.
Iċ-Ċina twissi l-Istati Uniti dwar gwerra
