Il-Ministru Owen Bonnici jirrifjuta talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jikkuntattja lill-Prim Ministru u jipposponi d-dibattitu biex jintlaħaq kunsens
Il-Ministru Owen Bonnici ma laqax l-offerta u l-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jikkuntattja lill-Prim Ministru bit-telefon u jitolbu jikkunsidra li jilħaq kunsens mal-Oppożizzjoni dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-2017 biex dawn isiru fl-2019, sena wara l-elezzjoni ġenerali.
Wara sagħtejn ta’ dibattitu fil-Kumitat dwar l-Abbozzi ta’ Liġijiet li għalih attenda u pparteċipa fid-dibattitu l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil flimkien ma’ membri oħra tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Bonnici ddeċieda waħdu, li ma jilqax din it-talba li jagħmel kuntatt mal-Prim Ministru u jwassallu t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Minkejja l-appelli ġenwini tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li saħaq li l-Oppożizzjoni hi miftuħa għal kull diskussjoni biex jintlaħaq kunsens, il-Ministru Owen Bonnici qal li bħala Ministru għandu l-mandat tal-Kabinett biex iressaq fil-Parlament u jibqa’ miexi b’din il-liġi għall-approvazzjoni.
Minkejja l-appelli li saru mill-Oppożizzjoni, il-Ministru Bonnici xorta talab li jitieħed il-vot għall-emendi li se jwasslu biex l-elezzjonijiet lokali ma jsirux fl-2017, sena qabel l-elezzjoi ġenerali, u jipposponihom għal seana wara l-elezzjoni ġenerali, fl-2019, bil-ħajja tal-Kunsilli Lokali titwal minn erbgħa għal ħames snin.
Id-demokrazija mhix ħela ta’ flus
Simon Busuttil qal fil-bidu tad-dibattitu fil-Kumitat Parlamentari, li hemm ħafna argumenti li l-Oppożizzjoni qed tqis bħala frivoli għaliex ma jistax Gvern jgħid li se jħassar l-elezzjonijiet li jmiss, għaliex il-Kunsilli jiswew il-flus u huma ħela ta’ flus. Dan meta ma sabx diffikultajiet jagħti konsulenzi kbar lid-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela, u jagħti €4.2 miljun għall-Cafè Premier.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li d-demokrazija mhix ħela ta’ flus u lanqas mhu argument li l-poplu għejja mill-politika u mill-elezzjonijiet meta marru jivvutaw 68% fl-elezzjonijie tal-Kunsili Lokali. Jekk jitneħħew mit-68% l-element tal-barranin li għandhom dritt jivvutaw, il-Maltin li ħarġu jivvutaw fl-aħħar elezzjonijiet lokali hu ta’ 78%, u dan ma jfissirx li dan hu poplu li ma jridx jivvota. Saħaq li fl-istorja tal-elezzjonijiet, jirriżulta li għandna poplu u elettorat li jrid jipparteċipa.
Hu f’idejn l-elettur li jiddeċiedii jmurx jivvota jew le, u mhux veru li n-nies ma jridx imur jivvota.
Il-Gvern għadu biċ-ċans jirtira l-emendi li qed jipproponi
Il-Kap tal-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern jikkunsidra mill-ġdid dan il-pass bl-aktar mod ġenwin, meta m’hemmx kunsens fuq materja li dejjem kien hemm kull meta kien hemm tibdil jew ċaqliq ta’ dati ta’ elezzjonijet.
Irrimarka li l-Gvern, illum qiegħed jgħaddi liġi, bis-saħħa li tagħtih il-maġġoranza fil-Parlament, biex iħassar l-elezzjonijiet. Fisser dan bħala attentat kontra d-demokrazija.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni nsista li l-Gvern għadu biċ-ċans jirtira dawn l-emendi filwaqt li saħaq li dak li qiegħed jagħmel il-Gvern hu ħazina u hi deċiżjoni żbaljata.
Pass lura għad-demokrazija
“Se nkunu qed inħassru elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-2017, u dan hu pass lura għad-demokrazija. Li thassar elezzjonijiet diġà skedati huma daqqa ta’ ħarta għad-demokrazija”, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Simon Busuttil kompla jirrimarka u jappella lill-Ministru Owen Bonnici, li ma nistgħux inħallu dan il-pass qisu xejn mhu xejn. Ebda Gvern demokratiku ma jaħseb li jħassar elezzjonijiet, aħseb u ara jagħmel liġijiet li jħassar l-elezzjonijiet u jnaqqas il-leġittimità tal-Kunsilli Lokali.
Il-Gvern qiegħed ineħħi d-dritt tal-vot 16
Sejjaħ ukoll bħala dahk fil-wiċċ il-vot 16 li ngħata liż-żgħażagħ għaliex bit-tħassir ta’ dawn l-elezzjonijiet, dan id-dritt se jkun qiegħed ineħħihulhom.
It-tibdil f’dati ta’ elezzjonijiet dejjem sar b’kunsens
Filwaqt li saħaq li l-Gvern qiegħed joħloq preċedent ikrah, enfasizza li l-elezzjonijiet huma xi ħaġa sensittiva. L-Oppożizzjoni lanqas ma taqbel li l-ħajja tal-Kunsilli Lokali tiżdied għal ħames snin. Fakkar li meta żdiedu minn tliet snin għal erba’ snin, it-tibdil kien sar bil-kunsens ta’ kulhadd.