Lokali

Il-korruzzjoni istituzzjonalizzata kollha f’Identity Malta seħħet fi żmien Gvern Laburista

Hekk kif ilum tressqu ħames persuni akkużati b’reati serji ta’ korruzzjoni f’Identity Malta, jirriżulta li l-korruzzjoni istituzzjonalizzata ġrat matul din is-sena, jiġifieri taħt Gvern Laburista. L-akkużi fil-Qorti jgiddbu lill-Gvern ta’ Joseph Muscat li llum stess, fi stqarrija, qal li l-korruzzjoni bdiet snin ilu taħt amministrazzjoni oħra.

Dan qalu l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet ftit siegħat biss wara li tressqu ħames persu-ni l-Qorti akkużati b’korruzzjoni f’Identity Malta aktar kmieni din is-sena.

Beppe Fenech Adami fakkar li l-aġenzija Identity Malta hija ħolqa ta’ Joseph Muscat. “Kien hu li wellidha u imliha b’nies viċin il-Parit Laburista. L-istess aġenzija hija mmexxija minn Joe Vella Bonnici, kandidat tal Partit Laburista u viċin ħafna tal-Prim Ministru,” qal Beppe Fenech Adami, filwaqt li appella biex għall-korruzzjoni istituzzjonalizzata, għandha tintrefa’ r-responsabbilta’ politika.

Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru ma għandux jibqa’ jiddefendi lil Joe Vella Bonnici u lill-eks Teżorier Joe Sammut, li diġa’ tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan l-iskandlu. Hu fakkar li meta sar Prim Ministru, Joseph Muscat neħħa numru ta’ nies kompetenti biex minflokhom daħħal numru kbir ta’ bażużli viċin tiegħu, fosthom lil Joe Vella Bonnici fit-tmexxija ta’ Identity Malta. Dan minbarra individwi oħra f’livelli għolja f’Identity Malta li ngħataw saħħa kbira minn dan il-Gvern. Madanakollu, dawn l-istess nies għażlu li jgħalqu għajnejhom quddiem il-korruzzjoni rampanti li kien hemm fil-ħruġ ta’ visas lill-barranin.

Minn naħa tiegħu, l-Kelliem tal-Immigrazzjoni Francis Zammit Dimech sostna li żviluppi bħal tal-lum żgur li jtappnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Hu fakkar li dan mhux l-ewwel skandlu li qed iħammeġ isem Malta fil-fora Ewropej. “Minbarra l-iskandlu tal-visas u l-permessi ta’ residenza, taħt dan il-Gvern kellna wkoll l-iskandlu tal-visas lill-Alġerini,” qal Francis Zammit Dimech.

Hu appella lill-Prim Ministru to come clean, u flok jagħlaq għajnejh quddiem il-korruzzjoni istituzzjonalizzata li fniet dan il-Gvern mherri minn skandlu wara l-ieħor, jieħu deċiżjonijiet ta’ Prim Ministru serju u jerfa’ r-responsabbilta’ ta’ Prim Ministru, temm jgħid Francis Zammit Dimech.