Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, immexxija mill-Kap tal-Partit Simon Busuttil, poġġiet kuruna tal-fjuri quddiem il-monument ta’ Ġorġ Borg Olivier f’Misraħ Kastilja.
Dan hekk kif ilbieraħ kien il-35 anniversarju mill-mewt tal-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, li jibqa’ mfakkar għall-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta fl-1964.
Ġorġ Borg Olivier serva bħala Prim Ministru għal żewġ termini, bejn l-1950 u l-1955, kif ukoll bejn l-1962 u l-1971. Hu miet fl-1980 fl-età ta’ 69 sena.
Simon Busuttil kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami, mis-Segretarju Ġenerali Rosette Thake u mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Ann Fenech.