L-Uffiċjali Amerikani żvelaw inċident li seħħ fil-Baħar tal-Ġappun u fejn erba’ fighter-jets Amerikani kienu telgħu mill-aircraft carrier USS Ronald Reagan biex jinterċettaw ajruplani tal-gwerra Russi li kienu waslu sa mil nawtiku biss ‘il bogħod mill-bastiment.
L-iżviluppi seħħew nhar it-Tlieta waqt li l-USS Ronald Reagan kien għaddej b’eżerċizzju militari, ma’ bastimenti tal-Korea t’Isfel. L-inċident kien jinvolvi ajruplani Russi tat-tip TU-145 ‘Bear’ li jtiru għal distanzi twal u jintużaw kontra s-sottomarini.
Filwaqt li l-inċident żgur ma kienx wieħed ‘tas-soltu’, kelliema għall-Pentagon, f’Washington, imminimizzaw il-potenzjal ta’ periklu u tennew li ‘ma kien hemm xejn x’jindika li l-ajruplani Russi kienu qed jimponu theddida diretta għall-aircraft carrier’.
Intant, l-Istati Uniti qabel, kienet esprimiet tħassib dwar ‘il-kondotta mhix professjonali’ min-naħa tal-ajruplani militari tar-Russi. Dan meta l-ajruplani tar-Russja, fil-ġimgħat riċenti, għamlu inkursjonijiet fl-ispazju tal-ajru tat-Turkija. L-inċident fil-Baħar tal-Ġappun, iżda, hu differenti peress li l-eżerċizzju kien qed isir f’ibħra internazzjonali.
Interċettati ajruplani Russi
