Futbol Sport

Is-seba’ kandidati uffiċjali għall-elezzjoni presidenzjali tal-FIFA

F’Mejju li għadda, il-President tal-FIFA attwali Sepp Blatter kien rielett waqt l-elezzjoni presidenzjali imma jiem wara, hu stess kien ħabbar li se jirriżenja mill-kariga minħabba l-iskandlu li kien tfaċċa fi ħdan din il-federazzjoni. Kien għalhekk li kien ġie deċiż li fis-26 ta’ Frar tal-2016 issir elezzjoni oħra biex ikun magħżul is-suċċessur ta’ Blatter li ilu fit-tmun tal-FIFA mill-1998.

Nhar it-Tnejn li għadda skada ż-żmien li fih wieħed seta’ jitfa’ l-kandidatura għal din l-elezzjoni u proprju fl-aħħar jum kienu erbgħa l-persuni li ngħaqdu ma’ erbgħa oħra li kienu diġà tefgħu l-kandidatura tagħhom. Madankollu, wieħed mill-kandidati, David Nakhid, li llum għandu 51 sena, u li hu eksplejer u captain tat-tim nazzjonali tat-Trinidad u Tobago, ġie mċaħħad milli jikkontesta minħabba li wieħed minn dawk li nnominawh kiser ir-regoli tal-elezzjoni għax fl-istess ħin innomina kandidat ieħor. Dan ifisser li se jkunu sebgħa l-kandidati li jikkontestaw l-elezzjoni.

Issa dawn il-kandidati jridu jgħaddu minn eżami ta’ integrità li jsir mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA qabel ma huma jkunu kkonfermati bħala kandidati validi għall-elezzjoni. Waqt l-elezzjoni jkunu eliġibbli jivvutaw total ta’ 209 federazzjonijiet.

It-seba kandidati huma dawn: Ali Bin Al-Hussein, Jerome Champagne, Gianni Infantino, Musa Bility, Michel Platini, Tokyo Sexwale, Sheikh Salman Bin Ebrahim Al Khalifa.