Il-Partit Nazzjonalista, permezz tax-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Ryan Callus, ippreżenta Mozzjoni lill-Ispeaker tal-Parlament biex ikunu revokati iż-żewġ Avviżi Legali 262 u 263, imressqa mill-Gvern fl-aħħar jiem.
B’dawn l-Avviżi Legali, il-Gvern eżenta ħames siti u l-Isptarijiet kollha mill-bżonn li japplikaw għall-permess tal-iżvilupp u mill-ħtieġa li jagħmlu assessjar jew studju ambjentali qabel isir xi xogħol jew bini ġdid.
Skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern jista’ jeżenta proġett mill-bżonn li jsir assessjar jew studju ambjentali każ b’każ. Dan meta, f’dan il-każ, il-Gvern ġabar ħames proġetti f’daqqa.
Skont ix-Shadow Minister Marthese Portelli, dan ikompli jitfa’ marka ħażina għall-kredenzjali tal-Gvern Laburista fl-Ambjent. Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus qal li f’din il-Mozzjoni, l-Oppożizzjoni qed tinnota li l-eżenzjoni tal-Isptarijiet milli japplikaw għall-permess u l-assessjar jew studju ambjentali hu bi ksur tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea.
Fid-dawl ta’ dan, l-Oppożizzjoni qed titlob li l-Avviżi Legali jiġu revokati, annullati u dikjarati bla ebda effett fil-Liġi, fid-dawl li dawn imorru kontra l-kelma u l-ispirtu tad-Direttivi Ewropej tal-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali.
Agħfas hawn biex taqra l-Mozzjoni ppreżentata.
//= $special ?>