Il-Ministru Owen Bonnici ma laqax l-offerta u l-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jikkuntattja lill-Prim Ministru bit-telefon u jitolbu jikkunsidra li jilħaq kunsens mal-Oppożizzjoni dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fl-2017 biex isiru fl-2019.
Wara sagħtejn ta’ dibattitu fil-Kumitat dwar l-Abbozzi ta’ Liġijiet, li għalih attenda u pparteċipa l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil flimkien ma’ membri oħra tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Bonnici ddeċieda waħdu li ma jilqax din it-talba li jagħmel kuntatt mal-Prim Ministru u jwassallu t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Minkejja l-appelli tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li saħaq li l-Oppożizzjoni hi miftuħa għal kull diskussjoni biex jintlaħaq kunsens, il-Ministru Owen Bonnici qal li bħala Ministru għandu l-mandat tal-Kabinett biex iressaq fil-Parlament u jibqa’ miexi b’din il-Liġi għall-approvazzjoni.
Fil-bidu tad-dibattitu Simon Busuttil qal li hemm ħafna argumenti li l-Oppożizzjoni qed tqis bħala frivoli għax ma jistax Gvern jgħid li se jħassar l-elezzjonijiet li jmiss għax il-Kunsilli jiswew il-flus u huma ħela ta’ flus. Dan meta ma sabx diffikultajiet jagħti €4.2 miljun għall-Café Premier u għax id-demokrazija mhijiex ħela ta’ flus.
Qal li lanqas ma hu argument li l-poplu għejja mill-politika u mill-elezzjonijiet, meta marru jivvutaw 68% fl-elezzjonijiet tal-Kunsili Lokali. Jekk jitneħħew l-element tal-barranin li għandhom dritt jivvutaw, il-persentaġġ ta’ Maltin li ħarġu jivvutaw fl-aħħar elezzjonijiet lokali hu ta’ 78%. Dan zgur ma jfissirx li l-poplu ma jridx jivvota.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrimarka li llum il-Gvern qed jgħaddi Liġi, bis-saħħa li tagħtih il-maġġoranza fil-Parlament, biex iħassar l-elezzjonijiet, f’dak li fisser bħala attentat kontra d-demokrazija.
//= $special ?>