Holger Muench, il-Kap tal-Pulizija Federali Ġermaniża, qal li d-dħul bla kontroll ta’ immigranti fil-Ġermanja kien qed joħloq theddida għas-sigurtà interna Ġermaniża. Dan hekk kif f’kull ġurnata eluf qed jaqsmu l-fruntiera Awstrijaka lejn il-Ġermanja. L-Erbgħa biss kienu 8,000 dawk li qasmu. Muench qal li l-ġlied bejn l-immigranti kien qed jiżdied u qed tikber ir-rabja fost dawk li jħaddnu ideat estremisti tal-Lemin, u żied li dan kien qed jinkwetah ħafna.
Sadattant fl-Iżvezja, il-Pulizija qed jippruvaw isibu tarf ta’ grupp ta’ refuġjati li ma ridux jinżlu mix-xarabank li ħadithom lejn ir-raħal ta’ Limedsforsen. Dan għaliex qed isostnu li hu mwarrab wisq u hemm wisq kesħa. B’kollox hemm 14-il persuna li kienu parti minn grupp ta’ 60 Sirjan u Iraqi. Issa huma qed jitolbu biex jittieħdu lejn belt kbira, inkella lejn il-Ġermanja. L-awtoritajiet Żvediżi qalu li ta’ kull ġimgħa qed jilqgħu 10,000 immigrant u l-istrutturi tal-pajjiż issa mhux qed ilaħħqu aktar.
Theddida għas-sigurtà interna Ġermaniża
