L-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb għadu ma jridx jgħid min huma dawk li sejjaħ bħala “awtoritajiet relevanti” li qalulu li l-Union tista’ tagħmel il-kirja ta’ parti mill-binja tagħha lill-Arms. Is-skiet ta’ Tony Zarb jistona meta kien hu stess li qal lill-Kummissarju tal-Artijiet ta’ dak iż-żmien li dawn “l-awtoritajiet” kienu konxji mit-talba, li m’għandhiex għalfejn tiġi miċħuda.
Madankollu, meta mistoqsi mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO), Tony Zarb ma riedx isemmi min huma dawn “l-awtoritajiet”. U dan minkejja li l-NAO għamel diversi talbiet, anke bil-miktub, biex dawn ikunu identifikati. Ir-rapport tal-NAO jgħid li Tony Zarb, fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-GWU, baqa’ ma weġibx in-numru ta’ talbiet sarulu.
Min-naħa tagħhom, kemm is-Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar, li fis-snin li għaddew kien ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ippjanar Michael Falzon ċaħdu li huma kienu dawk il-persuni li rrefera għalihom Tony Zarb.
Mistoqsi minn The Times of Malta biex jidentifika min huma “l-awtoritajiet relevanti” li rrefera għalihom, l-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU wieġeb li “mhu se ngħidilkom xejn. Meta jkun il-mument opportun, ngħid min kien li qalli”. U filwaqt li stqarr li għadu ma rax ir-rapport tal-NAO, għax kien imsiefer, Tony Zarb sostna li lest jieħu “l-passi meħtieġa” jekk jara li ssemma’ b’mod skorrett fir-rapport tal-NAO.
Min-naħa tiegħu, wara l-appell li sarlu mill-NAO għall-passi legali neċessarji, l-Avukat Ġenerali Peter Grech qal lill-istess ġurnal li għadu kmieni wisq biex wieħed jestabilixxi x’passi jistgħu jittieħdu. Madankollu, stqarr li f’dan l-istadju mhu qed ikun eskluż xejn.
//= $special ?>