Skiet li jtarrax! Hekk qiegħed jiġi deskritt minn bosta osservaturi politiċi l-iskiet tal-gvern b’rabta ma’ l-iskandlu tal-visas u permessi ta’ residenza. Skandlu li ma’ kull jum li jgħaddi qiegħed ikompli jieħu xejra aktar ta’ tħassib.
Dan hekk kif il-Ġimgħa erba’ impjegati ta’ Identity Malta u intermedjarju tressqu l-Qorti akkużati b’korruzzjoni biex tkun faċilitata l-proċedura għal Permessi ta’ Residenza.
Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, tlieta mill-erba’ ħaddiema wieġbu li huma ħatja għall-akkużi, fosthom ukoll li aċċettaw rigali jew flus biex jinħarġu l-Permessi ta’ Residenza, kif ukoll li kienu kompliċi fil-ħruġ ta’ dikjarazzjonijiet foloz.
Is-sitwazzjoni dejjem aktar serja dwar l-iskandlu tal-visas u permessi ta’ residenza l-Ġimgħa tkellmu dwarha wkoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister ta’ l-Intern Beppe Fenech Adami u l-Kelliem tal-Immigrazzjoni Francis Zammit Dimech fejn f’konferenza ta’ l-aħbarijiet spjegaw li jirriżulta li l-korruzzjoni istituzzjonalizzata ġrat matul din is-sena, jiġifieri taħt Gvern Laburista. L-akkużi fil-Qorti jgiddbu lill-Gvern ta’ Joseph Muscat meta dan jgħid li korruzzjoni bdiet snin ilu taħt amministrazzjoni oħra.
Beppe Fenech Adami fakkar li l-aġenzija Identity Malta hija ħolqa ta’ Joseph Muscat.
Minn naħa tiegħu Francis Zammit Dimech ukoll għamel appell simili fejn appella lill-Prim Ministru to come clean, u flok jagħlaq għajnejh quddiem il-korruzzjoni istituzzjonalizzata li fniet dan il-Gvern mherri minn skandlu wara l-ieħor, jieħu deċiżjonijiet ta’ Prim Ministru serju u jerfa’ r-responsabbilta’ ta’ Prim Ministru.
Iżda minkejja t-tħassib tan-nies, l-appelli ma’ jieqfu qatt sabiex il-gvern juri rieda li jiġġieled tassew kontra l-koruzzjoni istituzzjonalizzata l-gvern s’issa, erba’ u għoxrin siegħa wara, għażel li jibqa’ sieket għal kollox fi skiet li fih nnifsu jkompli jqanqal aktar tħassib.
//= $special ?>