Lokali

Illejla jiġi ċċelebrat Halloween iżda fis-Swieqi l-problemi jibdew kmieni

Għada jingħata bidu għax-xahar li fih infakkru l-erwieħ għeżież ta’ dawk li ħallew din id-dinja qabilna.

Iżda minn ftit snin ’l hawn, lejliet il-bidu tax-xahar ta’ Novembru, jiġifieri l-aħħar t’Ottubru, sar ikun karatterizzat ukoll mit-tradizzjoni tal-festa pagana magħrufa bħala Halloween, li llum, anki bl-influwenzi li l-internet ġab fuq it-tfal tagħna, f’pajjiżna qabdet sewwa wkoll, partikolarment f’ċerti rħula u bliet.

Minbarra x-xbihat ta’ skeletri, twiebet, xemgħat, friefet il-lejl u qargħa ħamra, saret tispikka wkoll il-preżenza ta’ gruppi ta’ tfal fit-toroq iħabbtu l-bibien tad-djar u jitolbu l-ħelu mir-residenti li jiftħulhom.

Imma sfortunatament f’xi nħawi, b’mod speċjali s-Swieqi, din it-tradizzjoni nbidlet f’opportunita’ għal vandaliżmu sena wara l-oħra, b’rapporti li saħansitra l-lejl li għadda, lejliet Halloween, tfal anke ta’ 14-il sena, bdew iduru r-residenzi jwaddbu l-bajd.

Dan minkejja li xi ħwienet fil-lokalita’ waħħlu avviżi li mhux se jbiegħu bajd lit-tfal bl-iskop li jilqgħu minn qabel għal dawn l-inċidenti.

Fost ir-residenti fis-Swieqi li zgur bdew il-festa ta’ Halloween fuq tgħoma morra hemm bla dubju ta’ xejn il-familja Bajada. Dan hekk kif kmieni s-Sibt filgħodu sabu il-karozza tagħhom, li kienet ipparkjata quddiem id-dar fi Triq l-Uqija, bil-ħġieġa tal-bieba tas-sewwieq mkissra, b’Anna Bajada, sid il-karozza, tfisser ix-xokk tagħha f’kummenti lil Il-Mument.

Anna spjegat li l-festa ta’ Halloween tista’ tiġi ċċelebrata mingħajr vandaliżmu u ħsarat. Spjegat li r-residenti tas-Swieqi m’għandhom ebda problemi b’min jiċċelebra l-festa ta’ halloween mingħajr ma’ jagħmel ħsara. Tkellmet dwar kif in-nies ikollhom il-ħelu lest sabiex iqassmuh lit-tfal li jkunu qed iduru. Fissret għalhekk il-ħasra meta xi żgħażagħ jinfexxu f’atti vandali fosthom ta’ tfigħ ta’ bajd filwaqt li qalet li l-Ġimgħa filgħaxija kienet osservat numru ta’ żgħażagħ jixtru kwantita’ kbira ta’ bajd.

Tkellimna wkoll mas-Sindku ta’ Swieqi Noel Muscat li minn naħa tiegħu tkellem dwar xi jfisser Halloween għar-residenti tas-Swieqi u x’miżuri qiegħed jieħu l-Kunsill Lokali fid-dawl ta’ dan. Noel Muscat spjega li l-halloween żied sew fil-popolarita’ u qal li s-Swieqi ilu żmien twil assoċjat ma’ din il-festa. Fisser kif il-Kunsill Lokali m’għandu xejn kontra l-festa ta’ halloween u jidejjaq biss b’atti vandali, ħsarat u storbju. Noel Muscat spjega ma’ Il-Mument li l-Kunsill ilu diġa xi tlett ġimgħat li beda diskussjonijiet mal-pulizija sabiex dawn jagħmlu rondi fl-aktar nħawi li jkunu milqutgħa mill-festi ta’ halloween. Spjega wkoll li l-Kunsill jżid id-dawl fil-ġonna tal-lokal sabiex tiżdied is-sigurta’.

Is-Sindku Noel Muscat appella wkoll lir-residenti sabiex fil-każ li jaraw xi ħadd b’mġieba mhux tas-soltu jirraportaw mill-ewwel lil xi membru tal-Kunsill jew l-għassa tal-pulizija sabiex il-problema ma’ tikbirx aktar milli hemm għalfejn.

L-inċidenti fis-Swieqi wasslu wkoll għal appell mid-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono li fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook appellat lil gvern sabiex jonora l-wegħdiet tiegħu li jżir il-pulizija fis-Swieqi, jinstalla aktar cameras tas-sigurta kif ukoll iżid in-numru ta’ karozzi tal-pulizija li jagħmlu rondi fis-Swieqi.