Fl-aħħar, u wara xhur ta’ posponimenti, jidher li l-ħaddiema tal-isptar San Luqa u l-isptar Ġenerali t’Għawdex imisshom laqgħa mal-Gvern biex ikunu jafu x’se jsir minnhom u mill-isptarijiet li mistennija jigu privatizzati.
Il-pjanijiet tal-gvern għal dawn iż-żewġ sptarijiet tefaw il-futur tal-ħaddiema f’inċertezza assoluta b’bosta jkunu dawk il-ħaddiema li jesprimu l-ħtieġa li llum qabel għada jkun ċċarat il-futur tagħhom.
Kien għalhekk li l-Union Ħaddiema Magħqudin ilha Sajf sħiħ tipprova torganizza laqgħa bejn il-ħaddiema u l-membri tal-gvern koncernati.
Tkellimna mas-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella li minn naħa tiegħu spjega l-għan tal-UĦM wara dawn il-laqgħat fejn spjega li l-ħaddiema ser ikollhom ċ-ċans jiksbu t-tweġibiet dwar il-pjan tal-gvern. Fisser li l-ħaddiema jistennew li jkollhom l-informazzjoni mingħand il-gvern. Ma’ Netnews.com.mt spjega kif minkejja t-talbiet ripetuti tal-UĦM, il-laqgħa li kellha ssir żmien ilu spiċċat għal bosta raġunijiet qatt ma’ setgħet timmaterjalizza iżda issa sa fl-aħħar kienet ser ssir.
Il-laqgha għall-ħaddiema tal-isptar San Luqa mistennija ssir it-Tnejn li ġej filwaqt li l-laqgħa għal ħaddiema ta’ l-isptar Ġenerali t’Għawdex ser ssir it-Tlieta … laqgħat li preżenti għalihom ser ikun hemm il-Ministru Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne.
Fl-avviż tal-laqgħat il-UĦM tappella għal attendenza tal-ħaddiema hekk kif sa fl-aħħar ser ikollhom l-opportunita’ jistaqsu l-mistoqsijiet dwar pjan li b’xi mod jew ieħor ċertament ser jolqot lil bosta ħaddiema f’dawn iż-żewġ sptarijiet li sal-llum huma pubbliċi.
//= $special ?>