Quddiem l-iskandli li qed iwettaq dan il-gvern, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil jiddikjara li hu jemmen u jwettaq politika differenti u li hu mhux fil-politika biex jitħammeġ.
Din id-dikjarazzjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha meta kien jiġi intervistat fil-programm ‘Għandi xi ngħid’ li fih tkellem dwar id-diversi skandli li qed iwettaq il-gvern fosthom l-iskandlu ta’ Gaffarena, tal-Cafe Premier, tal-ex uffiċjal tal-Pulizija Daniel Zammit, tal-kiri ta’ propjeta tal-GWU lill-Arms u tal-VISAS.
Simon Busuttil qal li l-PN jemmen li l-politika għandha ssir b’mod differenti u għandu jinstab ferm iktar kunsens bejn il-gvern u l-Oppożizzjoni. Il-fatti huma, sostna Simon Busuttil li hi l-Oppożizzjoni li qed toffri kunsens lill-gvern f’setturi.
F’intervista waqt il-programm ‘Għandi xi Ngħid’ fuq Radju Malta, ippreżentat minn Andrew Azzopardi, Simon Busuttil espriema d-determinazzjoni li minkejja t-tifxkil kollu li qed jipprova jagħmel il-gvern, l-Oppożizzjoni se tibqa determinata li tikxef l-iskandli li qed iwettaq il-gvern.
Dwar il-każ tad-deputat Nazzjonalista Joe Cassar, Simon Busuttil qal li l-fatti huma li Joe Cassar hu politiku integru u li fil-fatt Gaffarena ma ħa xejn mingħand Joe Cassar iżda ħa l-miljuni mingħand il-gvern Laburista.
Mhux hekk biss iżda l-familja Gaffarena ingħatat ukoll permess għall-ftuħ ta’ pompa tal-petrol illegali f’Ħal Qormi, liema permess kien qed jinżamm minn gevrn Nazzjonalista minħabba bini llegali. Kien għalhekk li ta’ Gaffarena telqu minn mal-PN u marru mal-Labour.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-PN jinsab fi proċess li jkompli jaġġorna l-politika tiegħu u se jippubblika dokument dwar governanza, inizjattivi dwar it-traffiku u l-viżjoni ekonomika għall-futur ta’ Malta. Dan filwaqt li se jinbeda proċess ta’ konsultazzjoni biex il-Partit Nazzjonalista jaġġorna u jifformla l-politika tiegħu dwar l-ambjent.
Simon Busuttil sostna li l-fatti juru li din hi oppożizzjoni kostruttiva li mhux biss qed twettaq l-obbligi tagħha li tikkritika lill-gvern iżda qed toħroġ ukoll il-proposti tagħha.
//= $special ?>