“Qed nibdlu lil pajjiżna biex inkunu tampar pajjiżi oħrajn li bdew magħna u ġrew ‘il quddiem bħal per eżempju Singapore u Lussumbergu. Għandna ċ-ċans għall-ewwel darba f’ġenerazzjoni li nersqu qrib dawn il-pajjiżi, nilħquhom u jekk hemm bżonn anke ngħadduhom.”
Hekk sostna l-Prim Ministru Joseph Muscat fil-bidu tad-diskors tiegħu fil-Parlament b’rabta mal-baġit mressaq mill-gvern Laburista. Kliem li mhuwiex ġdid għal Joseph Muscat hekk kif mhux l-ewwel darba li tkellem dwar il-ħtieġa li Malta tkun l-aqwa fl-Ewropa.
Kliem iżda li qanqal kummenti ironiċi minn bosta li saħqu li bħal donnu bejn il-kliem ta’ Joseph Muscat u l-fatti taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat hemm baħar jikumbatti.
Dan hekk kif il-gvern mmexxi minn Joseph Muscat qiegħed jippersisti bil-politika tiegħu li jżomm il-prezz tal-petrol u d-diesel ferm għola mill-maġġoranza tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt fil-Lussemburgu, l-pajjiż li skont Joseph Muscat rridu nersqu qrib lejh, nilħquh u anke ngħadduh, il-prezz tad-petrol huwa ta’ ewro u tlettax il-ċenteżmu, jiġifieri għoxrin fil-mija orħos mill-ewro u sitta u tlettin ċenteżmu li nħallsu f’Malta.
Il-Prezz tad-diesel fil-Lussemburgu huwa ta’ 99 ċenteżmu filwaqt li f’Malta huwa ta’ ewro u sitta u għoxrin ċenteżmu, jiġifieri sebgħa u għoxrin fil-mija għola.
Sitwazzjoni li tagħmilha ferm diffiċli sabiex Malta tkun kompettitiva daqs il-Lussemburgu. Aktar u aktar meta wieħed jiftakar li l-paga medja fil-Lussemburgu hija għola sew minn dik f’Malta u b’hekk il-piz tal-prezzijiet f’Malta fir-realta’ jinħass anke aktar mill-persentaġġ dirett tad-differenza.
//= $special ?>