Internazzjonali

Aġġornata: L-ajruplan Russu iddiżintegra waqt il-vjaġġ

L-iskwadri fl-Eġittu li qed jinvestigaw it-tiġrif ta’ ajruplan tal-passiġġieri Russu fil-penisola tas-Sinai qalu li l-ajruplan, tat-tip Airbus 321, ‘spiċċa jiddiżintegra fl-ajru waqt il-vjaġġ’ minn Sharm el-Sheikh lejn San Pietruburgu, fir-Russja.

Fl-inċident mietu l-224 persuna abbord u fl-aħħar sigħat irrankaw it-tfittxija għall-katavri u t-tifrik tal-ajruplan. Sadanittant, Victor Sorochenko, li jmexxi l-Kumitat tal-Avjazzjoni Russu, qal li għadu kmieni wisq biex jikkonkludu l-kaġun tat-traġedja. Dan meta r-Russja osservat jum ta’ luttu għall-agħar diżastru tal-ajru li qatt ġarrbet.

Sorochenko sostna li d-debris tal-ajruplan infirex tul zona tas-Sinai li fiha daqs 20 kilometru kwadru. S’issa nstabu l-katavri ta’ 163 fost il-vittmi tal-Airbus li niżel qrib il-villaġġ ta’ Hasana. Iz-zona fejn għaddejja t-tfittxija anki ġiet estiża peress li numru ta’ katavri kienu nstabu ‘il hinn sew mill-inħawi proprja fejn iġġarraf l-ajruplan.

Sadanittant, l-awtoritajiet Russi u tal-Eġittu qed jiċħdu li l-ajruplan seta’ twaqqa’ mill-militanti tal-ISIS. Dan wara li ġellieda tal-grupp Stat Iżlamiku fis-Sinaj, li hu alleat tal-ISIS, ħareġ stqarrija fuq il-medja soċjali fejn jingħad li l-ISIS kien responsabbli għat-tiġrif ta’ Titjira KGL9268.

Il-Ministru tat-Trasport Russu Maksim Sokolov qal li m’hemm l-ebda provi li l-ajruplan spiċċa mira tat-terroristi.

Il-President tal-Eġittu Abdul Fattah al-Sisi, min-naħa tiegħu, ħeġġeġ għall-kawtela u biex ma jiċċirkolawx teoriji bl-addoċċ. Hu anki wissa li l-investigazzjoni dwar il-kawża tat-tiġrif hi kwistjoni kkumplikata li tista’ ddum għaddejja x-xhur.

Għalissa, mill-anqas tliet linji tal-ajru – Emirates, Air France u Lufthansa – iddeċidew biex l-ajruplani tagħhom ma jgħaddux minn fuq il-penisola tas-Sinai sakemm tingħata aktar informazzjoni rigward ‘is-sitwazzjoni’.