Il-Ħadd – suppost jum il-mistrieħ. Imma mhux l-istess jistgħu jgħidu numru ta’ familji li qattghu is-sigħat ta’ filgħodu jippruvaw ilaħħqu mal-ilma li daħlilhom fir-residenzi tagħhom, b’mod speċjali fil-Birgu.
Dan hekk kif Gvern Laburista qrib l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali beda proġett fi Triq il-Kardinal Fabrizio Sciberras li madankollu nqalgħet u tħalliet fi stat ta’ abbandun.
Ġrieden, wirdien, imma fuq kollox għarar ta’ ilma u dranaġġ li mhux biss għarraq it-triq, imma issa wkoll ir-residenzi ta’ Triq San Lawrenz.
Iltqajna ma’ wħud mir-residenti, li laqgħuna bi squeezers u biċċiet tal-art waqt li kienu qed jixxuttaw l-ilma minn ġewwa, għat-tielet darba fl-aħħar jem.
Spjegawlna li fi snin twal li ilhom jgħixu hemm, uħud għal ġenerazzjonijiet sħaħ, qatt ma kellhom problemi bħal dawn, imma llum spiċċaw bl-ilma dieħel fuq ġewwa u jikkawża ħsara fl-għamara.
Ir-residenti ta’ din id-dar saħansitra kellhom jinstallaw pompa tal-ilma wara li l-kantina tagħhom spiċċat mgħarrqa. Dar ta’ iktar minn 400 sena, bil-periti javżaw lis-sidien biex wara dawn is-snin kollha jinstallaw sistemi kontra l-ilma.
Anke’ fil-Marsa, ir-residenti ta’ Triq il-Pitkali qed jaffaċċjaw problema simili, bl-ilma jasal sa nofs il-bibien ta’ barra tar-residenti.
Residenta, li ilha tgħix hawn mas-60 sena, spjegatilna li ilha mill-bidu t’Ottubru bil-karozza tagħha bil-ħsara għand l-aġent, minħabba li din spiċċat mgħarrqa. Sid ta’ ħanut fl-istess żona qalilna li kull meta tagħmel ix-xita jkollu jmur ineħħi l-ilma minn ġewwa minħabba l-ħsara li tista’ ssirlu fil-makkinarju.
Minkejja l-ilmenti ta’ dawn ir-residenti lis-Sindku tal-Marsa, lil Transport Malta u saħansitra lill-Ministru Joe Mizzi, is-sitwazzjoni baqgħet l-istess tant li spiċċaw jieħdu r-riedni f’idejhom u jkollhom jaqilgħu t-tappieri huma stess biex itaffu l-għarar.
Lil kull min ikellmu jgħidilhom li m’għandux x’jaqsam u jgħaddihom għand ħaddieħor. Anzi, Perit ta’ Transport Malta qalilhom li għalihom l-importanti ma tegħriqx Triq Diembru 13.
Fl-aħħar jiem r-residenti staqsewna x’jiġri jekk xi ħadd minnhom ikollu bżonn ambulanza, imma jinqabad f’daru hekk kif fl-aħħar jiem spiċċaw jimbuttaw il-karozzi tagħhom mill-ilma għal iktar minn darba.
Intant matul il-lejl li għadda anke’ Triq il-Kosta, proġett li waqa’ lura u ntilfu mal-E11-il miljun f’fondi Ewropej, spiċat mgħarrqa.
//= $special ?>