Internazzjonali

Ir-Rumanija f’luttu wara n-nirien fatali ġo nightclub

Mijiet ta’ nies f’Bucharest, il-kapitali tar-Rumanija, ħadu sehem f’vejla ta’ talb biex isellmu lin-nies, fil-parti kbira żgħażagħ, li tilfu ħajjithom qalb nirien li qerdu nightclub f’din il-belt matul il-lejl tal-Ġimgħa.

Il-folol poġġew ammont kbir ta’ xemgħat fl-inħawi meta l-poplu għadu xxukkjat u mbikkem b’din it-traġedja li anki ħalliet mal-200 midruba. Ir-Rumanija qed tosserva tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali waqt li l-awtoritajiet ikkonfermaw li l-midruba fin-nirien jinkludu anki numru ta’ barranin.

L-aħħar rapporti qalu li mietu aktar żgħażagħ mill-ġrieħi li ġarrbu fin-nirien, bl-ammont uffiċjali ta’ mejtin issa jitla’ għal 29. Mifhum li għexieren oħra jinsabu f’sitwazzjoni kritika u hemm il-possibbiltà li ċ-ċifra tal-mejtin tirdoppja fis-sigħat li ġejjin.

In-nirien fin-nightclub kienu dovuti għal-logħob tan-nar li qabbdu l-membri ta’ grupp tal-heavy metal waqt kunċert li kien qed isir fil-kumpless, li jinsab taħt l-art.