Internazzjonali

Jinqatlu waqt attakk fuq lukanda fis-Somalja

Mietu tal-anqas ħmistax-il persuna f’attakk terroristiku fuq lukanda ewlenija fil-belt ta’ Mogadishu, fis-Somalja. L-attakk twettaq mill-militanti Iżlamiċi tal-grupp Al Shabab li kkonfermaw l-aġir tagħhom bi stqarrija.

L-aggressuri li attakkaw il-Lukanda Sahafi użaw vetturi pakkjati bi splussivi qabel assedjaw il-bini b’mod dirett. Il-vittmi ta’ dan l-attakk jinkludu talanqas deputat parlamentari u Ġeneral tal-Armata li kien mexxa l-offensiva tal-2011 li keċċiet lill-Al Shabab minn Mogadishu.

L-aħħar rapporti qalu li t-truppi tal-Gvern u tal-Unjoni Afrikana rnexxielhom jieħdu lura kontroll tal-lukanda wara battalja qalila mal-militanti tal-Al Shabab.

Il-Lukanda Sahafi hi popolari mal-membri tal-Parlament Somalu. Intant, messaġġ fuq websajt assoċjat mal-Al Shabab qal li l-attakk twettaq kmieni filgħodu ‘bil-ħsieb li jevita l-vittmi fost iċ-ċivili’.

L-Al Shabab għandu rabtiet mal-moviment terroristiku Al-Qaida.