Lokali

Joe Cassar jirriżenja minn kelliem għall-Kultura sakemm jiddefendi ismu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu aċċetta r-riżenja ta’ Joe Cassar minn kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura.

Fi stqarrija, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ltaqa’ ma’ Joe Cassar dalgħodu li nfurmah li qed jieħu parir legali sabiex jiddefendi ismu. L-istqarrija tkompli li għaldaqstant, matul dan iż-żmien, Joe Cassar ma jistax jibqa’ bħala membru tax-Shadow Cabinet.

Sadanittant, fi stqarrija separata, Joe Cassar ikkonferma li irriżenja minn kelliem għall-Kultura.

Joe Cassar tenna li filwaqt li ma għamel xejn kontra l-liġi, hu ħalla persuna bla skrupli tieħu vantaġġ minnu. Il-fatt li dan seħħ iktar minn tliet snin ilu mhux skuża u jiskuża ruħu mal-elettorat għal dan l-iżball fil-ġudizzju.

Hu kompla li l-mod kif din il-persuna, flimkien mal-Partit Laburista, qed tipprova timmanipola dak li ġara tliet snin ilu f’tentattiv biex jgħatti l-iskandli tiegħu u tal-Partit Laburista, qed jaljenaw mill-ġlieda tal-PN biex jgħolli l-istandards tal-imġieba pubblika fil-pajjiż.

Joe Cassar qal li skont il-Kodiċi ta’ Etika tal-Ministri li kien marbut bih, hu ma kellu ebda rigali x’jiddikkjara u kien biss il-mod kif qed jiġu manipolati l-affarijiet li qed tipprova tingħata l-impressjoni li ngħata xi rigali.

Barraminhekk, lanqas ma nħolqot obbligazzjoni fuqu, tant hu hekk li Joe Gaffarena qatt ma ngħata l-permess għall-pompa tal-petrol mibnija llegalment u ibnu ma ngħata ebda kumpens multi-miljunarju għal nofs dar fil-Belt Valletta. Dawn saru meta Gaffarena dar mal-Partit Laburista u huma l-PM Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li jridu jwieġbu għal dawn.

Dwar l-allegazzjonijiet pubblikati llum fuq il-gazzetta Maltatoday, Joe Cassar ċaħad kategorikament li kien jaf jew ħalla lil Joe Gaffarena jagħmel xi ħlasijiet fuq xogħol li saru fuq il-propjeta’ tiegħu. Hu qal li qed jieħu parir legal dwar dan.