Internazzjonali

L-elezzjoni fit-Turkija: Il-Partit AKP rebaħ il-maġġoranza

Il-Partit Iżlamiku AKP fil-Gvern li twaqqaf mill-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan rebaħ l-elezzjoni ġenerali b’maġġoranza assoluta tal-voti. Jidher, issa, li l-AKP se jiggverna waħdu għall-erba’ snin li ġejjin wara li spiċċaw marġinalizzati r-rivali li kienu qed jittamaw li jrażżnu l-ambizzjonijiet ta’ Erdogan.

Din kienet it-tieni elezzjoni f’ħames xhur għall-Parlament, bl-analisti jiddubitaw kemm il-vot se jirrisolvi d-diżwid fi ħdan is-soċjetà Torka. L-elezzjoni saret wara li l-AKP kien naqas milli jżomm il-maġġoranza li kellu fl-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju. Minn dak iż-żmien ‘il hawn falla kull tentattiv lejn Gvern ta’ koalizzjoni f’Ankara.

L-aħħar rapporti rreferew għal konfronti ġodda fil-belt ta’ Diyarbakir (iddominata mill-Kurdi) waqt l-għadd tal-voti u fejn il-pulizija sparat gass tad-dmugħ lejn dimostranti li kienu qed jitfgħulhom il-ġebel.

Din kienet elezzjoni kritika għat-Turkija meta l-Partit HDP favur il-Kurdi u l-MHP fl-Oppożizzjoni jidhru li se jiksbu l-għaxra fil-mija tal-appoġġ popolari meħtieġa għal rappreżentanza fil-Parlament.

Ir-riżultat tal-elezzjoni, madankollu, għandu jwassal għal Gvern ta’ partit wieħed taħt it-tmexxija tal-AKP. Ma kienx eskluż li l-Partit AKP jirbaħ l-ammont sostanzjali tas-siġġijiet li jeħtieġ biex isejjaħ referendum għal bidliet fil-Kostituzzjoni u dwar proċess li jżid il-poteri tal-President Erdogan.