Internazzjonali

Vjolenza u ġlied mal-pulizija waqt ‘rave party’ f’Londra

Folol ta’ nies iġġieldu mal-pulizija waqt rave party illegali li kien organizzat f’Lambeth, distrett ċentrali ta’ Londra, u li mal-ħin ħa l-forma ta’ ‘rewwixta vjolenti’.

Il-pulizija għal kontra l-irvellijiet spiċċaw attakkati meta ppruvaw iġibu l-avveniment fi tmiemu fis-sigħat bikrin tallum. Huma, hawnhekk, kienu kkonfrontati min-nies li bdew igarawlhom fliexken, ġebel, siġġijiet u oġġett li hu suspettat bħala bomba tal-petrol.

Weġġgħu numru ta’ pulizija fil-konfronti u saru numru ġmielu ta’ arresti. Kelliema għall-Pulizija Metropolitana sostnew li l-folol, filwaqt li attakkaw lill-qawwiet tas-sigurtà, anki wettqu ħsarat f’numru ta’ vetturi privati u proprjetà fiz-zona ta’ Lambeth.

Sadanittant, l-organizzaturi tal-party akkużaw lill-pulizija ‘b’li aggredew u sawwtu lin-nies sal-punt fejn uħud intilfu minn sensihom’.

L-avveniment inkwistjoni kien organizzat bħala party tal-Halloween u kien ilu l-jiem irreklamat fuq Facebook. Intant, attendew għalih ħafna mill-eluf tal-mistiedna, b’uħud minnhom jinjoraw it-twissija preċedenti tal-organizzaturi biex ‘iżommu l-paċi u ma jantagonizzawx lill-pulizija’.