Lokali

Chris Cardona u Deborah Schembri jiddefendu l-iskandli ta’ Gvern Laburista

Il-Ministru Chris Cardona u d-Deputat Laburista Deborah Schembri għamlu tentattiv biex iżommu l-każ tad-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar fl-opinjoni pubblika, iżda spiċċaw jippruvaw iwieġbu l-mistqsijiet tal-ġurnalisti dwar l-iskandli li qed iwettaq il-Gvern Laburista, fosthom tal-Australia Halla, ta’ Gaffarena, tal-GWU u l-Arms, kif ukoll tal-Cafè Premier.

Mistoqsija direttament mill-ġurnalisti dwar double standards fl-iskandli li qed iwettaq il-Gvern Laburista, il-Ministru Cardona ddefenda l-operat tal-Gvern u tal-Prim Ministru Muscat f’dawn l-iskandli, billi qal li l-passi jittieħdu, jekk għandhom jittieħdu, wara li jkunu konklużi l-investigazzjonijiet. Il-Ministru Cardona sostna li l-Gvern hu matur u se jaġixxi b’mod korrett.

Skont il-kelliema Laburisti, il-Prim Ministru qed jaġixxi b’mod korett quddiem il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li taħt ir-responabbiltà tagħhom qed jitwettqu l-iskandli. Mistoqsi jekk il-Partit Laburista jew xi Deputati jew Kandidati Laburisti qattx irċievewx donazzjonijiet mingħand Gaffarena, il-Ministru Cardona qal li l-Partit Laburista jippubblika r-rapport finanzjarju tiegħu u d-donazzjonijiet ikunu inklużi fih.

Dwar il-każ ta’ Joe Cassar, Chris Cardona u Deborah Schembri qalu li dan juri li l-Partit Nazzjonalista għadu ma nbidilx u dan kien każ ta’ importanza kbira, anke fl-aspett demokratiku tal-pajjiż. Huma tefgħu dubji dwar l-irċevuta ta’ €1,000 f’donazzjoni li Joe Cassar ta lill-Partit Nazzjonalista.