Lokali Saħħa

‘Double standards’ fil-konfront tal-infermieri – l-MUMN thedded b’azzjoni industrijali

Il-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel l-MUMN, takkuża lill-management tal-Isptar b’double standards kontra l-infermieri fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
Il-kwistjoni għandha x’taqsam ma’ opportunita’ ta’ Job Shadowing fl-Isptar ta’ Leeds fir-Renju fil-qasam tal-onkoloġija u l-kura palljattiva.
L-MUMN tgħid li fis-sejħa għall-interess, il-management tal-Isptar qed jitlob li l-infermieri eliġibbli għandhom ikollhom mill-inqas 5 snin esperjenza. Iżda ħaddiema oħra f’dan il-qasam mhux qed jintalbu din il-kwalifika.
F’ittra lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon, l-MUMN għamlitha ċara li mhux se taċċetta li jkun hemm double standards bejn il-ħaddiema fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Aktar u aktar jekk dawn id-double standards huma ta’ detriment għall-infermieri.
Fl-istess ittra, l-MUMN talbet li ċ-ċirkolari tkun riveduta b’tali mod li l-infermieri jkunu trattati l-istess bħal kollegi oħrajn ma jkollhomx bżonn 5 snin esperjenza biex jintgħażlu għal din l-opportunita’ ta’ job shadowing.
L-MUMN qalet ukoll li fin-nuqqas ta’ dan, hi se tiddikjara tilwima industrijali mal-management tal-Isptar u informat lill-management taċ-ċentru tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo li tista’ toħroġ direttivi industrijali lill-infermieri li jaħdmu fiċ-ċentru tal-onkoloġija.