Lokali

IL-KIRJA IRREGOLARI TAL-ARMS: il-kobba tkompli titħabbel

L-Uffiċċju tal-Arms fil-Workers' Memorial Building

Il-ġurnal The Times illum żvela illi fil-perijodu li fih il-GWU kriet b’mod irregolari parti mill-Workers’ Memorial Building lill-kumpanija ARMS, kien hemm żewġ uffiċċjali li okkupaw karigi importanti fl-ARMS u l-GWU fl-istess ħin.

Ir-rapport fit-Times jiżvela li l-avukat Aaron Mifsud Bonnici kien konsulent legali tal-GWU filwaqt li kien is-segretarju tal-ARMS. Jissemma ukoll Robert Borg, wieħed mid-diretturi tal-ARMS li għandu diversi karigi fil-GWU fosthom dik ta’ konsulent finanzjarju tal-union.

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali (NAO) ikkonkluda li l-GWU kriet il-propjeta’ tagħha b’mod irregolari u mingħajr awtorizazzjoni. Dan imur kontra il-ftehim li kien ġie approvat mill-Parlament fl-1997.

L-istess rapport ifformolat mill-Uffiċċju tal-Awditur jindika li hemm irregolarita’ anke fil-kirja ta’ stabbiliment tal-ikel u tal-uffiċċju tal-aġenzija tal-ivjaġġar, għaliex il-union m’għandiex sehem maġġoritarju f’dawn l-entitajiet.