L-iżviluppi pożittivi tal-ħelsien ta’ Noel Sciberras mill-ħtif kmieni nhar l-Erbgħa filgħodu ma jfissrux li dan il-każ hu magħluq. Skont rapport f’ il-mument tal-Ħadd li għadda, sorsi infurmati tajjeb qalu li membri tas-Servizz Sigriet Malti flimkien ma’ Diplomatiċi mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għadhom qed jaħdmu qatigħ biex isibu l-aħjar mod kif joħorġu ‘l barra mil-Libja lill-Malti Noel Sciberras.
Sas-Sibt filgħaxija Noel Sciberras kien għadu qed jinżamm f’post sigur fil-viċinanzi ta’ Tripli, madankollu hi x-xewqa li dan ifittex jinħareġ mil-Libja u jinġieb Malta.
Skont is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument is-Servizz Sigriet Malti xejn ma ħa gost li l-ħelsien ta’ nhar l-Erbgħa li għadda spiċċa fil-medja bl-istess Noel Sciberras ikun muri – waqt li kien qed jittieħed minn post għall-ieħor – jirringrazzja lil dawk kollha li kienu għenu biex hu jinħeles wara trawma kbira ta’ 47 jum maqful.
Is-Servizz Sigriet Malti kien ikun ferm aktar kuntent kieku din l-aħbar inħarġet darba Noel Sciberras inġieb Malta, jew tal-inqas kien fi triqtu lejn Malta biex hekk ikunu aktar rashom mistrieħa li hu sigur għalkollox.
Sorsi qrib is-Servizz tas-Sigurtà Malti qalu li l-fatt li l-aħbar inħarġet fil-medja f’nofs din il-ġimgħa ftit tas-sigħat biss wara li Noel Sciberras kien inħeles kmieni nhar l-Erbgħa filgħodu, poġġa periklu ġdid fuq il-Malti li biex jivvjaġġa lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Mitiga – l-uniku ajruport qrib Tripli li għadu qed jiffunzjona. Dan għaliex mill-informazzjoni li għandu s-Servizz Sigriet Malti biex Noel Sciberras jivvjaġġa lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Mitiga jrid jgħaddi minn zoni xejn siguri u li partijiet sostanzjali minnhom huma taħt il-kontroll ta’ fazzjonijiet li x’aktarx kienu mdaħħla fil-ħtif u ż-żamma ta’ Noel Sciberras.
Dan qed joħloq sitwazzjoni delikata ħafna. Noel Sciberras qed jibqa’ jinżamm mill-Milizja Rada mmexxija minn Abdulrauf Kara f’post sigur biex darba s-sitwazzjoni tikkalma allura jkun jista’ jittieħed is-sorgu li dan jivvjaġġa ‘l barra minn Tripli lejn Malta. Intant fil-jiem li għaddew kienu qed jitħejju wkoll numru ta’ dokumenti importanti biex dan il-vjaġġ ikun jista’ jsir.
Għalhekk, żiedu jispjegaw is-sorsi ta’ il-mument, din l-istorja tal-ħelsien ta’ Noel Sciberras għadha m’hix arkivjata minħabba l-perikli li hemm idawru lill-istess persuna li tibqa’ titqies minn dawk li oriġinarjament kienu ħatfuha bħala persuna li taf ħafna – għaliex semgħet ħafna – dwar il-grupp ta’ kriminali li ħatfuha. Din is-sitwazzjoni għall-istess grupp ta’ kriminali hi waħda ta’ theddid għalihom għaliex żgur li la darba Noel Sciberras ikun f’idejn l-awtoritajiet tas-sigurtà se jkun mistoqsi ħafna dwar l-esperjenza diffiċli li għadda minnha meta kien maħtuf.
Noel Sciberras ilu b’konnessjonijiet fil-Libja għal ftit inqas minn 25 sena. Dan l-aħħar kien Direttur u sieħeb fit-tmexxija ta’ kumpanija li toffri parkeġġi tal-karozzi fi Tripli – CT Parks. Il-ħtif tiegħu mill-grupp ta’ kriminali kien motivat mill-possibbiltà li l-Malti għandu l-flus – jew tal-inqas għandu l-potenzjal ta’ aċċess għall-flus – u għalhekk jidher li ntalbet is-somma ta’ US$5 miljun bħala rahan biex hu jinħeles.
Sadattant għadu qed idur fuq diversi siti soċjali l-filmat tal-ħelsien ta’ Noel Sciberras minn membri tal-Milizja Rada bl-istess Noel Sciberras – aġitat u eċċitat – ripetutament jirringazzja lil dawk kollha li salvawlu ħajtu u ħelsuh mill-post fejn kien maqful għal 47 jum. “Grazzi, grazzi, grazzi ħafna… intom salvajtuni. Jien il-Malti meħlus wara li għamilt 47 jum imsakkar… grazzi, grazzi.”
Is-sorsi meta mistoqsija dwar jekk il-kriminali moħbija wara dan il-ħtif kenux fil-fatt ingħataw xi flus, aċċertawna li ħadd ma ħallas ċenteżmu biex Noel Sciberras inħeles. “Le, nista’ nassigurak li ma tħallsux flus. La mill-Gvern Malti u anqas minn xi kumpanija jew minn terzi.”
Nhar il-Ħamis li għadda l-Ministeru tal-Affarijiet Baranin Malti fi stqarrija kkonferma l-aħbar li Noel Sciberras, il-Malti li kien ilu maħtuf għal 47 ġurnata fil-Libja, inħeles kmieni nhar l-Erbgħa filgħodu. Fl-istqarrija l-Ministeru qal li hu xtaq li kieku l-aħbar tinżamm mistura għal ftit ieħor sakemm Noel Sciberras ikun barra mil-Libja, imma la l-aħbar ħarġet, ma jistax ma jikkonfermax il-ħelsien tiegħu.