Internazzjonali

It-tiġrif ta’ ajruplan Russu: Is-sidien jeskludu ħsara mekkanika jew żball uman

epa05005978 Russian investigators check debris from crashed Russian jet at the site of the crash in Sinai, Egypt, 01 November 2015. Russian officials and experts flew to Egypt's Sinai on 01 November, a day after a Russian passenger airliner crashed in the largely desert peninsula killing all 224 people on board. EPA/KHALED ELFIQI

Il-linja tal-ajru Russa Kogalymavia qalet li t-tiġrif tal-ajruplan, nhar is-Sibt, fl-inħawi tas-Sinai fl-Eġittu kien dovut għal ‘influwenza esterna’. Dan waqt li kelliem ewlieni sostna li din hi l-unika spjegazzjoni li tista’ tagħmel sens fil-preżent.

L-investigazzjoni mill-esperti tal-avjazzjoni li qed jibbażaw fuq it-tagħrif mill-kaxxi s-suwed tal-ajruplan kienet għadha ma pproduċietx konklużjoni. Intant, kelliema għall-Gvern tar-Russja komplew iwissu kontra spekulazzjonijiet dwar it-tiġrif tal-Airbus 321, waqt vjaġġ bejn Sharm el-Sheikh u San Pietruburgu u li fih mietu 224 persuna.

Il-President tar-Russja Vladimir Putin fisser it-tiġrif tal-ajruplan bħala traġedja kbira u wassal il-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi. Hu qal li se jsir minn kollox biex tingħata idea kredibbli ta’ x’wassal għat-tiġrif biex ikunu jafu x’seħħ u tittieħed reazzjoni xierqa. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Russi mhuma jeskludu xejn, għalkemm l-investigazzjoni għadha fil-bidu.

Alexander Smirnov, il-Viċi Direttur tal-linja Kogalymavia (magħrufa wkoll bħala Metrojet), tkellem waqt konferenza f’Moska u ċaħad il-possibbiltà ta’ ‘difetti tekniċi’ jew ‘żball tal-pilota’ bħala fatturi potenzjali wara t-tiġrif tal-ajruplan ta’ din il-linja.

“L-unika spjegazzjoni għad-diżintegrazzjoni tal-ajruplan fl-ajru għandha tkun waħda li tibbaża fuq impatt speċifiku dovut totalment għal aspett mekkaniku u fiżiku,” sostna Smirnov. Il-Viċi Direttur kompla li ma jeżistux ċirkostanzi fejn il-fallimenti ta’ sistemi f’daqqa jikkombinaw biex iwasslu għall-qerda tal-ajruplan fl-ajru.

Uffiċjal ieħor tal-linja tal-ajru, imbagħad, ammetta li l-parti ta’ wara tal-ajruplan inkwistjoni kien ġarrbet xi ħsarat waqt it-tlugħ, fl-2001. Iżda l-uffiċjal għamilha ċara wkoll li kienu saru t-tiswijiet neċessarji u li ma jaħsbux li l-ħsarat kienu parti mit-traġedja.