Internazzjonali

Iżommu test tad-DNA fuq skutella tar-ras assoċjata ma’ William Shakespeare

Membri tal-kleru fi knisja ta’ Worcestershire, fl-Ingilterra, qegħdin jippruvaw jidentifikaw skutella tar-ras ta’ bniedem li kapaċi tkun tal-awtur, poeta u drammaturgu ċelebri William Shakespeare.

Il-ħidma qed titqabbel ma’ ‘drama li ħaqqha produzzjoni speċifika għall-palk’, anki jekk il-misteru ‘tal-iskutella’, għalissa, qed jidher ‘il bogħod minn soluzzjoni. Dan peress li avukat li qed jirrappreżenta l-interessi tal-knisja waqqaf l-impenn biex l-iskutella tar-ras titneħħa minn kripta u tintbagħat il-laboratorju fejn tkun suġġetta għal testijiet tad-DNA.

L-iskutella, li jaħsbu li nsterqet mill-qabar proprju tad-drammaturgu, tinsab (għalissa) fi kripta taħt il-Kappella ta’ Sheldon, fil-Knisja ddedikata lil San Leonardu f’Beoley, fl-inħawi ta’ Redditch. Intant, l-ebda persuna ma qatt insista b’xi drittijiet fuq l-iskutella tar-ras inkwistjoni. Hemm imbagħad leġġenda li tisħaq li wara l-mewt ta’ Shakespeare, fl-1616, kienu daħlu l-ħallelin fil-qabar tiegħu fi Statford-upon-Avon u fejn kienu ħatfu din l-iskutella.

Il-membri tal-kleru sadanittant huma diżappuntati dwar id-deċiżjoni biex l-iskutella ma tkunx suġġetta għal proċess tad-DNA. Dan meta Shakespeare jibqa’ l-aqwa letterarju Britanniku u, għaldaqstant, ma jonqosx li l-misteru se jinteressa numru kbir ta’ nies u studjużi.

Is-serqa tal-iskutella tar-ras ‘ta’ Shakespeare’ ma kienet qatt ikkonfermata minn sorsi uffiċjali u rrifjutabbli. Madankollu qed tiċċirkola l-istorja li s-serqa kienet seħħet fl-1794 wara li Horace Walpole, storiku tal-arti, offra 300 lira lill-persuna ‘li kellha teħodlu l-iskutella tad-drammaturgu’. Intant u ladarba xi persuni kienu ppreżentawh bl-iskutella tar-ras ta’ bniedem, Walpole irtira mill-‘imħatra’, bil-leġġenda tikber maż-żmenijiet….