“Jekk il-proġett tal-Università Amerikana ma jsirx fiż-Żonqor, allura jaqa’ kollox.” Din hi l-impressjoni komuni bejn l-għaqdiet ambjentali dwar l-iżvilupp propost mill-Gvern li għadhom jinsistu biex il-Gvern ikun trasparenti u jippubblika l-ftehim li għandu ma’ Sadeem Group.
F’laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp li saret ilbieraħ filgħaxija, rappreżentanti ta’ diversi għaqdiet ambjentali ressqu t-tħassib tagħhom dwar it-tieni proposta li saret. Filwaqt li din naqqset l-użu ta’ art użata fiż-Żonqor minn 90,000 metru kwadru għal 18,000 metru kwadru, jidher li xorta hemm insistenza min-naħa tal-iżviluppatur li parti mill-proġett tkun fiż-Żonqor. Dan it-tħassib ikompli jikber wara li minkejja li kienu għadhom qed jitħejjew ir-rapporti dwar siti alternattivi, il-Prim Ministru ħareġ jiddikjara l-alternattiva għall-proġett oriġinali.
Il-laqgħa tal-bieraħ issejħet biex matulha, l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johann Buttigieg jippreżenta quddiem il-Kumitat tal-Kamra rapport dwar siti alternattivi li ġew ikkunsidrati minflok dak oriġinali li kien kompletament fuq iż-Żonqor.
Għal mistoqsijiet li sarulu wara li ta dettalji dwar ir-rapport, Johann Buttgieg qal li hu ma jafx x’fih il-ftehim bejn il-Gvern u Sadeem Group u għalhekk ma ġie bl-ebda mod kundizzjonat minn dak li jista’ jkun hemm fil-ftehim biex ħejja li r-rapport.
Għal din il-laqgħa attenda wkoll Mario Cutajar, is-Segretarju Permanenti Prinċipali li wkoll iddikjara li ma jafx x’hemm fil-ftehim bejn il-Gvern u Sadeem Group. Anke jekk dan il-ftehim kien immexxi mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, hu qal li ma ħadd ma għandu jistenna li s-Segretarju Permanenti Prinċipali jkun involut f’kull ftehim li jsir mill-Gvern.
Fost kelliema oħra, id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli irrimarkat li fir-rapport preżentat hemm indikat li ċerti siti proposti ma setgħetx tingħata opinjoni dwar jekk hux validi jew le għaliex il-MEPA ma għandhiex informazzjoni dwar l-entità tal-proġett. Hi staqsiet lill-Kap Eżekuttiv kif, fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni seta’ jindika li part miż-Żonqor u l-Baċir Numru Wieħed huma ideali ghal dan il-proġett.
Johann Buttigieg qal li għad irid isir rapport dwar l-impatt ambjentali li għandu jikkonsidra s-siti kollha indikati fir-rapport.
//= $special ?>