Il-Gvern Libjan ta’ Tobruk li jgawdi għarfien internazzjonali qal li bastimenti tal-Italja kienu daħlu mingħajr permess fl-ibħra territorjali tal-Libja. Madankollu, il-Ministeru tad-Difiża Taljan iżda qed jiċħad l-akkuża.
Il-Gvern ta’ Tobruk insistali lest juża l-mezzi kollha biex jipproteġi s-sovranità tiegħu. Dan waqt li kelliema Libjani qalu li tliet bastimenti Taljani kienu ntlemħu lil hinn mill-kosta ta’ Bengażi fil-Lvant tal-Libja. Il-bastimenti x’aktarx kienu involuti fl-impenn internazzjonali għall-kontroll tal-immigranti li qed jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa.
Il-Ministeru tad-Difiża Taljan wieġeb li l-bastimenti militari kollha tal-Italja preżenti fil-Mediterran qed jaqdu rwol f’ibħra internazzjonali u qegħdin jirrispettaw il-limiti stabbiliti mit-trattati.
Ix-xahar li għadda, in-Nazzjonijiet Uniti awtorizzat lill-Istati tal-Unjoni Ewropea biex jispezzjonaw vapuri u dgħajjes, u biex jużaw il-forza fil-konfront tat-traffikanti tal-immigranti fl-ibħra lil hinn mil-Libja. Id-direttiva, iżda, ma tapplikax għall-ibħra proprji tal-Libja.
L-Italja tiċħad li bagħtet bastimenti f’ibħra Libjani
