Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia appellat lill-Gvern jerġa’ jibdel dak li sejħet bħala “kompromess aċċettabbli” li diġà ntlaħaq biex ma jsirx l-iżvilupp kollu tal-università privata fiż-Żonqor u dan biex jitneħħa wkoll l-żvilupp tat-18,000 metru kwadru miż-Żonqor u jitpoġġa f’sit alternattiv.
Id-deputata tal-Gvern għamlet dawn l-appelli eżattament wara li temmet tmexxi laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp illejla, fejn għal din il-laqgħa reġa’ kien hemm il-vuċi tal-għaqdiet mhux governattivi jappellaw lill-gvern jikkunsidra siti alternattivi għall-iżvilupp propost. Dan wara li l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA, Johann Buttigieg, tkellem u wieġeb għal mistoqsijiet dwar is-siti alternattivi għall-iżvilupp ta’ università privata fiż-Żonqor.
Waqt l-aħħar tmien minuti tal-ħin tal-aġġornament fejn qabilha tkellem id-Deputat Laburista u Whip tal-Gvern, Godfrey Farrugia, Marlene Farugia qalet li fil-Kumitat għall-Ambjent u l-Iżvilupp tkompliet id-diskussjoni dwar l-iżvilupp taż-Żonqor fejn għadha qed tiġi msemmija li parti minnha tiġi żviluppata fuqha univesità privata.
Saħqet li l-Gvern għandu jerġa’ jikkunsidra t-18,000 metru kwadru ta’ żvilupp fiż-Żonqor wara d-dikjarazzjoni li għamel il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA fil-Kumitat Parlamentari, li l-istudju dwar l-impatt ambjentali tal-iżvilupp ta’ din l-università, se jikkunsidra s-siti alternattivi.
Marlene Farrugia tenniet it-tħassib tas-soċjetà li dawn is-siti alternattivi ma ġewx ikkunsidrati u studjati bis-serjetà fl-għażla tas-sit għal dan l-iżvilupp – liema żvilupp s’issa l-Gvern xorta għadu jtenni li jibni parti minnu f’ODZ fiż-Żonqor.
//= $special ?>