L-eks senatur ta’ Tennessee Fred Thompson – li kien ittanta xortih għall-Presidenza tal-Istati Uniti u li kien magħruf ukoll bħala attur tal-films u għat-televiżjoni – miet minn tip ta’ kanċer magħruf bħala Hodgkin’s lymphoma, fl-età ta’ 73 sena.
Thompson, li spiċċa minn senatur fl-2003, fl-2008 ikkuntesta għan-nomina Repubblikana biex jisfida għall-White House f’isem il-partit. Hu, intant, kellu jirtira wara li ma kisibx biżżejjed appoġġ.
Bħala avukat, Fred Thompson kien il-konsulent ewlieni Repubblikan għall-Watergate Committee tas-Senat li kien investiga l-eks President Amerikan Richard Nixon.
Sadanittant, hu spikka ‘fil-karriera l-oħra’ fejn, bħala attur, kellu interpretazzjonijiet memorabbli f’films bħal Marie, No Way Out, The Hunt For Red October u Cape Fear.
Id-diretturi tal-films ta spiss kienu jfittxu lil Thompson biex jinterpreta karattri distinti u sinonimi mal-poter, u fejn hu, fost oħrajn, qaxxar il-parti ta’ xi Ammirall, Direttur tas-CIA u anki ta’ senatur. Iżda Thompson ‘l-attur’ jibqa l-aktar famuż għar-rwol ta’ avukat tad-distrett fi New York, fis-sensiela kriminali għat-televiżjoni Law & Order.