Wara li ġimgħatejn ilu, il-mument żvelat kif Malta tinsab fuq il-mappa tal-Istat Islamiku (ISIS) biex terroristi għaddew mill-Alġerija għal Malta biex komplew triqithom lejn il-qalba tal-Ewropa, minn aktar stħarriġ li kompliet tagħmel din il-gazzetta jirriżulta li dan kollu kien ifisser ukoll li l-persuni nħarġulhom id-dokumenti kollha li kellhom bżonn – inkluż il-Visa – biex setgħu jgħaddu minn Malta mingħajr xkiel ta’ xejn.
Hu imperattiv għal organizzazzjoni bħall-ISIS li tinfiltra fl-Ewropa b’mod li mhux biss ma tagħtix fil-għajn, imma anki b’tali mod li fil-moviment ta’ persuni terroristi tagħti indikazzjonijiet mill-inqas possibbli, u li jkollha preżenza f’pajjiżi Ewropej bħal Franza li bħalissa huma msieħba f’kampanja militari ta’ attakki mill-ajru fuq qagħdiet li l-ISIS għandhom fis-Sirja.
Hu għalhekk li l-moviment ta’ persuni terroristi jsir bl-aktar mod normali, saħansitra anki billi jkunu konformi ma’ dak li jkun jitlob il-pajjiż. Fil-każ ta’ Malta biex persuni mill-Alġerija u Alġerini jidħlu f’pajjiżna jkollhom bżonn il-Visa li oriġinarjament kienet tintalab mill-Ambaxxata konċernata fl-Ewropa – f’Madrid – li kienet tipproċessa d-dokumenti sakemm dawn jingħataw lill-persuni li jitolbuha.
Meta mbagħad infetaħ il-Konsulat Malti ġewwa Alġiers, il-Kapitali tal-Alġerija, l-proċess seta’ jitħaffef u d-dokumenti meħtieġa mitluba minn dawk li riedu jivvjaġġaw lejn Malta setgħu jinħarġu b’aktar effiċjenza.
Madankollu dak li ma kienx qiegħed isir fil-ħruġ ta’ dawn id-dokumenti, inkluż fil-ħruġ tal-Visa, hi l-proċess ta’ due diligence bis-serjetà.
Ir-rotta Alġiers-Malta-Pariġi
Fil-ħarġa tat-18 ta’ Ottubru li għadda, il-mument żvelat ir-rotta ta’ terroristi tal-ISIS mill-Alġerija lejn Malta lejn il-qalba tal-Ewropa. Eventwalment sar magħruf li f’temp ta’ ftit aktar minn sena – minn Marzu tas-sena l-oħra ‘l hawn – l-għadd ta’ Alġerini li nħarulhom id-dokumenti meħtieġa biex setgħu jivvjaġġaw lejn Malta kien jammonta għal ftit inqas minn 7,000 persuna.
F’dan il-perijodu t-titjiriet minn Alġiers lejn Malta kienu ġeneralment ippakkjati bin-nies. Ironikament iżda t-titjiriet lura lejn l-Alġerija kienu jkunu prattikament vojta. Dak li kien qed jiġri kien li l-Alġerini li kienu qed jiksbu l-Visa u d-dokumenti l-oħra meħtieġa biex jidħlu f’Malta – allura fiz-zona Schengen – ma kellhom l-ebda interess li jibqgħu hawnhekk bħala turisti. L-iskop waħdieni tagħhom kien biss li jużaw bl-aktar mod pulit lil Malta bħala għatba ħalli jidħlu fil-qalba tal-Ewropa, l-aktar tramite Pariġi ġo Franza.
Għaldaqstant milquta direttament hemm l-awtoritajiet Franċiżi li fuq il-mappa tal-ISIS, Franza tiffigura bl-aktar mod preċiż fis-sens li t-tluq tat-terroristi moħbija bħala passiġġieri normali kien qed joriġina minn Algiers għal Malta u mbagħad jidħlu fil-kapitali Franċiża u fil-qalba tal-Ewropa, jew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Orly inkella mill-Ajruport Internazzjonali Charles de Gaulle, it-tnejn ġewwa Pariġi.
Sa mis-sajf 2013 il-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-AirMalta bdiet tħaddem żewġ titjiriet fil-ġimgħa mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Algiers fl-Alġerija li normalment dejjem kienu mimlija tant li din ir-rotta fid-direzzjoni lejn Malta kienet suċċess. Is-suċċess iżda mbagħad ikun imminat mill-fatt li ż-żewġ titjiriet fil-ġimgħa minn Malta lejn l-Alġerija prattikament ikunu vojta!