Futbol Sport

Van Persie eskluż minn mal-Olanda

Il-kowċ nazzjonali tal-Olanda Danny Blind għażel li jħalli barra mit-tim lill-attakkant Robin Van Persie. Matul dan ix-xahar, l-Olanda se tilgħab żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra Wales u l-Ġermanja. Matul is-sajf li għadda Van Persie ħalla lil Manchester Utd u ingħaqad ma’ Fenerbahce imma naqas milli jimpressjona. Plejer ieħor li tħalla barra hu Memphis Depay ta’ Man Utd. F’kummenti li ta Blind qal li qed jipprova minn kollox biex jikkonvinċi lill-attakkant Dirk Kuyt jerġa’ jibda jilgħab mal-Olanda wara li dan irtira minn man-nazzjonal.

Ta min jiftakar li l-Olanda naqqset milli tikkwalifika għall-Euro 2016 u dan kien diżappunt kbir għal dan it-tim li sena ilu temm fit-tielet post waqt it-Tazza tad-Dinja. Van Persie, ironikament, kien anke ikkommetta awto-gowl fl-aħħar logħba mill-fażi tar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni kontra r-Repubblika Ċeka, f’logħba li l-Olanda tilfet bi skor ta’ 3-2. Riechedly Bazoer, plejer li xahar ilu kien mgħajjat għall-ewwel darba mat-tim nazzjonali ma żammx postu filwaqt li jista’ jagħti l-każ li Marko Vejinovic jiddebutta bil-flokk ta’ pajjiżu.