Il-Gvern ma jistax jinżel aktar fil-baxx fl-iskandli li qed jirriżultaw. U min-naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni qed turi l-mod kif għandha ssir il-politika … politika differenti bbażata fuq ir-responsabbiltà, l-onestà u l-integrità.
Is-sitwazzjoni politika preżenti kienet trattata f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fid-Dar Ċentrali tal-Partit. Konferenza, li matulha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern mhux iżomm il-wegħdi elettorali tiegħu.
Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru għandu jneħħi lil Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari għax hemm fatti ċari u kkonfermati li juru irregolarità fl-imġieba politika tiegħu fl-iskandlu ta’ Gaffarena.
Dan minbarra li Michael Falzon ħa €260,000 għal taparsi skema ta’ rtirar kmieni mill-Bank of Valletta, iżda żamm id-dritt li jista’ jerġa’ jirritorna x-xogħol sal-2018.
Il-Prim Ministru ma keċċiex lil Michael Falzon għax inkella jkollu jitlaq hu minħabba l-iskandli li seħħew fid-Dipartiment tal-Artijiet, li jaqa’ taħt l-istess Prim Ministru.
Dwar il-każ ta’ Joe Cassar, Simon Busuttil qal li Cassar tneħħa minn Kelliem tal-Partit Nazzjonalista iżda ma kellux jitkeċċa minn Deputat, bl-istess mod li Michael Falzon għandu jitneħħa minn Segretarju Parlamentari iżda mhux minn Deputat. Dan seħħ ukoll fil-każ tal-eks Ministru Manwel Mallia, li tneħħa minn Ministru iżda baqa’ Deputat Laburista.
Simon Busuttil qal li kuntrarjament għall-politika Laburista, il-Partit Nazzjonalista diġà beda jwettaq politika differenti.
Simon Busuttil sostna li Joe Cassar ma għamel l-ebda illegalità minn fondi pubbliċi, kif ukoll ma kiser l-ebda Liġi. Madankollu, minkejja li Joe Cassar ċaħad l-allegazzjoni dwar il-ħlasijiet għal xogħolijiet fid-dar tiegħu, hu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista xorta ħass li kellhom jittieħdu l-passi li ttieħdu fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista.
//= $special ?>