Lokali

Wirja Artistika f’Ħal Safi

Fil-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Safi bħalissa qed titgħella l-esebizzjoni ‘Perċezzjoni’. Esebizzjoni ta’ arti kontemporanja b’xogħolijiet mill-isbaħ ta’ l-artisti Aaron Bezzina u Matthew Galea.

Aaron Bezzina huwa artist żgħażugħ u huwa gradwat b’baċċelerat fl-arti u huwa student ta’ l-arti diġitali fl-Universita’ ta’ Malta. L-arti tiegħu tibbaża fuq skulturi, iżda juża medja oħra biex joħloq tifsira u jassoċja azzjonijiet.

Tkellimna ma’ Aaron Bezzina li spjega dwar l-arti kontemporanja.

Minn naħa l-oħra Matthew Galea, ukoll artist żgħażugħ, qiegħed jistudja għal dottorat fid-Dipartiment tal-Arti Diġitali fl-Universita’ ta’ Malta. Ħa sehem f’diversi esebizzjonijiet fosthom irrapreżenta lil Malta fil-European Ceramics Contest fid-Danimarka. L-arti tiegħu tinkludi fost oħrajn biċċiet li wieħed jista’ janima u jdoqq.

Il-wirja fetħet nhar il-Ħamis li għadda f’attivita’ li għaliha kienu preżenti bosta uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista fosthom il-Viċi Kap Beppe Fenech u d-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina u tibqa miftuħa sal-15 ta’ Novembru.