Internazzjonali

Ċaħda kategorika li l-ajruplan Russu twaqqa’ minn alleati tal-ISIS

Il-President tal-Eġittu Abdul Fattah al-Sisi fisser l-għajdut li militanti fis-Sinaj li huma qrib tal-ISIS spiċċaw iwaqqgħu ajruplan tal-passiġġieri Russu bħala xejn aktar minn ‘propaganda rħisa’.

L-ajruplan tat-tip Airbus 321 iddiżintegra fl-ajru nhar is-Sibt waqt li kien għaddej minn fuq il-penisola tas-Sinai. B’kollox mietu 224 persuna u wara, il-militanti mal-moviment ‘Provinċja tas-Sinai’ ħarġu stqarrija u messaġġ fuq ir-radju fejn qalu li ‘kienu responsabbli għat-twaqqigħ tal-ajruplan’.

Il-militanti inkwistjoni sena ilu kienu ħalfu lealtà lill-ISIS, iżda l-esperti jiddubitaw kemm huma għandhom l-armamenti bil-kapaċità li jwaqqgħu Airbus.

Sadanittant, kelliema għall-Aġenzija Russa tal-Avjazzjoni Federali, qalu li l-aħħar diskors dwar ‘influwenza esterna’ fil-każ tal-Airbus imġarraf għandu jitqies bħala prematur peress li mhux ibbażat fuq il-fatti konkreti.

Uffiċjali fl-Istati Uniti wkoll qalu li m’hemm l-ebda provi sodi li l-ajruplan seta’ twaqqa’ mit-terroristi, għalkemm m’huma jeskludu xejn f’dan il-punt.

L-ajruplan Russu ġġarraf ftit aktar minn 20 minuta wara li kien telaq mir-resort ta’ Sharm el-Sheikh fl-Eġittu għal vjaġġ lejn San Pietruburgu fir-Russja.

Il-President tal-Eġittu al-Sisi, fl-aħħar kummenti, qal li għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid b’ċertezza xi kkaġuna t-tiġrif. Hu kompla li kwalunkwe propaganda li torbot lill-ISIS ma’ din it-traġedja tagħmel ħsara lis-sigurtà tal-Eġittu u li l-awtoritajiet Eġizzjani għandhom ‘kontroll assolut’ fuq is-sitwazzjoni tas-Sinai.

Il-kaxxi s-suwed (flight recorders) tal-Airbus instabu u ntbagħtu għall-analiżi. Fl-aħħar żviluppi L-Eġittu qal li l-esperti tiegħu kellhom jibdew jeżaminaw dalwaqt dawn il-flight recorders bl-appoġġ ta’ esperti mir-Russja u r-Repubblika tal-Irlanda fejn kien irreġistrat l-Airbus inkwistjoni.