Il-Gvern, permezz tal-Avukat Ġenerali, appella mis-sentenza tal-Qorti li ordnat lill-Ministeru tal-Intern biex jipprovdi l-informazzjoni kollha mitluba mill-Ombudsman fl-investigazzjonijiet dwar il-promozzjonijiet fil-Forzi Armati (FAM).
Dan l-appell ifisser li l-Gvern mhux se jieqaf jew iċedi fil-kontroversja biex jappunta l-Bord tiegħu ħalli jisma’ l-każi ta’ promozzjonijiet fl-Armata. Fi Frar 2015, l-Ombudsman Joseph Said Pullicino ressaq każ quddiem il-Qorti Ċivili, li fih ilmenta li l-Uffiċċju tiegħu kien qed jiġi mxekkel milli jinvestiga lmenti li jitressqu mill-Uffiċjali tal-FAM dwar promozzjonijiet, salarji u drittijiet tal-pensjonijiet.
L-ilmenti tressqu quddiem l-Ombudsman min-numru ta’ Uffiċjali tal-FAM f’Settembru 2013 wara li ngħataw diversi promozzjonijiet għal Maġġuri u Kurunelli. Numru ta’ Uffiċjali lmentaw li kienu tilfu inġustament diversi promozzjonijiet biex ħaduhom Uffiċjali oħra b’esperjenza anqas minnhom, bi kwalifiċi anqas u b’anqas snin ta’ Servizz.
L-aktar każ kontroversjali kien dak tal-Kmandant tal-FAM Jeffrey Curmi, li ħa erba’ promozzjonijiet: minn Maġġur għal Brigadier fi ftit xhur wara l-elezzjoni ġenerali għaddiet.
L-Imħallef Wenzu Mintoff iddikjara li l-każ ma jikkonċernax il-proċeduri tal-pormozzjonijiet, iżda r-rifjut mill-Ministeru tal-Intern biex jikkollabora mal-Uffiċċju tal-Ombudsman. Qal li r-rimedju offrut mill-FAM mhuwiex idoneu, effettiv jew adegwat minħabba li mhux raġonevoli li dawk li lmentaw jitolbu rimedju mingħand l-istess persuna li d-deċiżjoni meħuda tkun wasslet għall-kawża tal-ilment.
L-Imħallef Mintoff iddikjara li l-Ombudsman għandu ġurisdizzjoni biex jinvestiga lmenti dwar ħatriet, promozzjonijiet u drittijiet ta’ pensjonijiet fil-FAM. Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Mintoff ordna lill-Ombudsman biex ikompli jinvestiga l-ilmenti tas-suldati u jikkollabora mal-investigazzjonijiet.
//= $special ?>