Ahmed Chalabi, eks-Viċi Prim Ministru Iraqi miet f’Bagdad, fl-età ta’ 71 sena fejn jingħad li sofra attakk tal-qalb fatali.
Hu, intant, jibqa’ l-aktar politiku Iraqi assoċjat mal-impenn li pperswada lill-Istati Uniti biex tinvadi lill-Iraq fl-2003, meta l-pajjiż kien immexxi mill-eksdittatur Saddam Hussein.
Chalabi, li kien membru sekulari tal-komunità tax-Xiti, fl-aħħar snin kien mequs fost jl-aktar personalitajiet kontroversjali fix-xena politika tal-Iraq.
Filwaqt li l-Istati Uniti, darba, kienet favur li Chalabi jilħaq Mexxej tal-Iraq, hu kien spiċċa jqatta’ l-karti mal-uffiċjali Amerikani. Dan wara li l-invażjoni tal-Iraq, fl-2003, mill-koalizzjoni taħt tmexxija Amerikana nbidlet f’okkupazzjoni karatterizzata minn tixrid ta’ demm kontinwu.
Fl-istess ħin, spiċċat diskreditata l-informazzjoni li kien ipprovda Chalabi dwar l-allegati armamenti ‘ta’ Saddam’ għall-qerda tal-massa.
Madankollu, Ahmed Chalabi, li għamel żmien jgħix f’eżilju fir-Renju Unit u l-Istati Uniti, ma ddispjaċieh qatt għar-rwol biex jipperswadi lill-Istati Uniti ħalli tmexxi l-invażjoni ta’ pajjiżu u twaqqa’ lil Saddam, li hu kien iqisu bħala għadu qalil.
//= $special ?>