Lokali

Imut Michael Buttigieg – dak li salva mill-għarqa 67 sena ilu

Michael Buttigieg, wieħed mill-erba’ persuni li kien salva mill-għarqa li kienet seħħet fl-inħawi Taċ-Ċawl viċin Ħondoq ir-Rummien, il-Ġimgħa, proprju f’għeluq is-67 anniversarju mill-akbar traġedja bejn iż-żewġ gżejjer u li tmur lura għat-30 ta’ Ottubru tal-1948.

Michael Buttigieg, magħruf aktar bħala Kieli, miet fl-età ta’ disgħin sena. Dakinhar luzzu li kien qed iġorr passiġġieri minn Malta lejn Għawdex inqaleb u għereq u miegħu mietu 23 persuna, l-akbar traġedja tal-baħar f’Għawdex. F’dik it-traġedja kienu salvaw biss erba’ persuni.

In-nazzjon tfakkar li 67 sena ilu Buttigieg kellu biss 23 sena meta seħħet it-traġedja waqt li għadd ta’ Għawdxin kienu ppruvaw jaqsmu lejn Għawdex permezz ta’ luzzu.

Il-vapur li normalment kien jaqsam bejn iż-żewġ gżejjer, minħabba l-maltemp, ma kienx ħadem. Iżda grupp ta’ Għawdxin riedu jaqsmu xorta waħda biex jinġabru lejn darhom u dan minkejja li t-temp kien ħażin ħafna.

Dak li ġara kien li l-luzzu telaq mill-moll tal-Marfa u kien avviċina l-inħawi magħrufa Taċ-Ċawl biex jgħaddi kemm jista’ jkun għall-kenn, iżda f’mument minnhom il-mewġ tant kien qawwi li qaleb il-luzzu u dawk kollha abbord spiċċaw fil-baħar fond.

Fost dawk li mietu kien hemm żewġ kuntistabbli Għawdxin u Malti li kien membru tal-Mużew miż-Żurrieq.
Fost dawk li salvaw, Karmnu Attard, żagħżugħ li kien irnexxielu jgħumha sal-art u jimxiha minn Ħondoq ir-Rummien sal-Qala biex ta l-aħbar ta’ dak li kien ġara.