Internazzjonali

Jissogra ħajtu biex isalva l-kelb minn xmara ffriżata

Kaċċatur fl-Iżvezja ssogra ħajtu wara li l-kelb maħbub tiegħu spiċċa fi xmara ffriżata – b’din l-esperjenza tinqabad ‘dirett’ fuq il-kamera.

Il-filmat, li sar viral, qabad il-mument meta l-kelb, li jismu ‘Rocky’ baqa’ jsegwi moose li kien qabeż fix-xmara waqt l-eqqel tal-kaċċa u fejn weħel fis-silġ. Il-kaċċatur, Jonas Lundh, ma ħasibhiex darbtejn biex jaqbeż dritt wara l-kelb u l-kummenti li qed jidhru fuq il-medja soċjali kollha qalu li hu ‘aġixxa bħala eroj’.

Il-moose irnexxielu jgħum sa gżira żgħira f’nofs ix-xmara iżda ‘Rocky’ baqa’ ‘mwaħħal’ fl-ilma ffriżat, bis-sid tiegħu jistinka biex jaqsam is-silġ tal-madwar biex jilħqu. Eventwalment, il-kaċċatur u l-kelb irnexxielhom jaqsmu għan-naħa l-oħra tax-xmara, b”Rocky’, dak il-ħin, jerġa’ jagħti s-salt biex ikompli bil-kaċċa.

Madankollu, Jonas ħasibha mod ieħor u baqa’ jżomm il-kelb miċ-ċinga għaliex ma xtaqx li jirrepeti l-esperjenza….